Wara li l-Gvern Laburista għażel li jidħol f’deal frawdolenti ma’ Vitals u Steward, issa se jkollu jerġa’ jħallas mal-€153 miljun żejda għall-istess xogħol li suppost kellhom jagħmlu dawn il-kumpaniji tmien snin ilu għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Dan ifisser li Vitals u Steward ħadu €120 miljun iktar milli hemm bżonn biex isir dan il-proġett… u fl-istess waqt m’għamlu xejn minkejja li ħadu dawn il-flus.
Il-poplu Malti nsteraq minn Vitals u Steward, ma ħa xejn lura għal dawk il-flus, u issa se jkollu jerġa’ jħallas biex il-proġett jagħmlu l-Gvern Malti mit-taxxi tagħna stess.
Dan, apparti li l-poplu Malti u Għawdxi mhux talli tilef tmien snin li fihom kieku kien jitlesta dan l-Isptar tal-Għawdxin, talli issa jridu jistennew mill-inqas ħames snin oħra… dejjem jekk il-Gvern iżomm il-wegħda tiegħu li jibnih hu.
Ċifri maħruġa mill-budgets tal-aħħar tmien snin, jiġifieri mill-2016 – meta ġie ffirmat dan id-deal ma’ Vitals – sal-2023 meta Steward annullaw il-kuntratt, juru li l-Gvern Laburista taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat u Robert Abela taw madwar €280 miljun lill-barranin għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
F’konferenza li ħabbar il-Ministru tas-Saħħa, Jo Etienne Abela fl-aħħar ġimgħat intqal li issa, il-Gvern se jkun qed jonfoq €153 miljun oħra sabiex fl-aħħar ikun jista’ jibda x-xogħol fuq dan l-Isptar.
F’kelma oħra, mhux talli l-kumpaniji barranin Vitals u Steward ħadu mal-€120 miljun żejda, talli f’dawn it-tmien snin li fihom ħadu l-miljuni ta’ ewro ħallew l-Isptar Ġenerali t’Għawdex jaqa’ biċċiet b’detriment għall-Għawdxin.
//= $special ?>