Lokali

“Il-pajjiż jeħtieġ politika matura u proattiva” – Bernard Grech

Ritratt: Joseph Galea

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech insista f’intervista li saritlu fuq Net TV waqt il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-PN, li l-Partit Nazzjonalista kien, għadu u se jibqa’ dejjem viċin in-nies. Dan joħroġ ċar ukoll fil-ħidma kontinwa li qed issir permezz ta’ djalogi kontinwi fil-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex. Bernard Grech spjega li meta titkellem man-nies tkun qed tmiss mal-isfidi u l-weġgħat tan-nies.

Huwa spjega li l-fergħat tal-Partit Nazzjonalista u l-istudji li jsiru sabiex tinbena l-politika tal-Partit Nazzjonalista, huma essenzjali ħafna sabiex tiġi ffurmata din il-politika, iżda l-kuntatt tan-nies huwa dak l-aktar importanti sabiex wieħed jifhem dak li verament hemm bżonn fuq livell personali. Għal din ir-raġuni, il-Partit Nazzjonalista huwa wieħed proattiv, fuq numru ta’ temi fosthom l-għoli tal-ħajja.

Kien għalhekk li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista fisser s-slogan ‘Għalik’, li din hija d-differenza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista. Partit Nazzjonalista li verament jaħdem għall-prijoritajiet tal-pajjiż u ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, għal kuntrarju ta’ Partit Laburista li wera darba wara l-oħra li jaħdem biss għalih nnifsu. Bernard Grech spega li l-ħidma li tirrifletti politika magħmula mill-poplu Malti u Għawdxi fiċ-ċentru tagħha – bi proposti li huma mibnija fuq il-bżonnijiet individwali taċ-ċittadini Maltin.

Bernard Grech spjega wkoll li l-Partit Nazzjonalista ma jara differenzi bejn ħadd, għaliex jaħdem għall-kulħadd, kemm jekk tinteressak il-politika jew le, jekk għandekx diżabbiltà jew le, kemm jekk ma taqbilx mal-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li dejjem se jkun qed jaħdem għal kulħadd u mhux biex jirbaħ il-punti politiċi. Huwa tenna li l-Partit Nazzjonalista jemmen f’kull individwu, u appella li se jibqa’ jaħdem sabiex kull Sittadin jieħu dak li verament ħaqqu.

Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech insista wkoll li l-politika tal-Partit Nazzjonalista se tibqa’ dik li tiswa ta’ ġid u sostenn għall-pajjiżna. Spjega li pajjiżna għandu bżonn politika li tgħaqqad lill-poplu kollu.

Intant, Bernard Grech enfasizza l-importanza li kulħadd joħroġ jivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista nhar is-Sibt li ġej, dan hekk kif vot għall-Partit Nazzjonalista huwa vot favur il-bidla li tant hawn bżonn f’pajjiżna, vot favur ħajja aħjar għal kull ċittadin, vot favur ħidma ta’ suċċess għalik.

Preżenti għal din il-maratona huma t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, s-sinjura Anne Marie Grech, l-kandidati għall-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, b’dawn kollha jagħtu s-sehem tagħhom sabiex iwasslu messaġġ ta’ tama u għaqda.