Lokali

“Il-PN għandu viżjoni ċara fuq livell lokali u Ewropew – GĦALIK” – Bernard Grech

“Il-PN għandu viżjoni ċara fuq livell lokali u Ewropew – GĦALIK”

Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta indirizza djalogu f’Birkirkara ftit jiem biss qabel żewġ elezzjonijiet importanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.

Bernard Grech fakkar kif għandna Prim Ministru li qisu għandu allerġija għall-verità b’riżultat li qed jitfa’ l-problemi li ġab il-Gvern tiegħu stess fuq kull Malti u Għawdxi.

Huwa kompla jfakkar kif is-slogan tal-Labour ‘saħħa’, tgħodd biss għal dawk tal-qalba ta’ Robert Abela. Il-poplu Malti u Għawdxi jkollu jistenna s-sigħat fl-emerġenza, jitħassrulu l-operazzjonijiet, u jkollu jesperjenza sptarijiet abbandunati.

“Abela issa qed jgħidlek li s-saħħa f’idejk – f’kelma oħra problema tiegħek

II-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan il-Gvern Laburista ġab lil pajjiżna f’sitwazzjoni fejn rajna l-ikbar serqa minn esponenti Laburisti stess. Fejn lagħbu bis-saħħa ta’ wliedna u anke pazjenti tal-kanċer.

Bernard Grech kompla jgħid li “quddiemna mhux qed naraw Gvern Soċjalista, Laburista, ta’ pajjiżna, imma qed naraw mafja politika li interessat biss li jisraq dak li hu tiegħek.”

“Qed inħallsu aħna lkoll u qed inbatu aħna lkoll biex jieħdu l-flus billi jherru s-saħħa tagħna”

Quddiem dan kollu, Bernard Grech fakkar fl-importanza tal-vot tat-8 ta’ Ġunju hekk kif Robert Abela jimpurtah biss li jkompli jmexxi b’fiduċja kbira sabiex ikun jista’ jiggverna b’maġġoranza kbira li ttih kuraġġ biex ikompli jisraq minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi.

B’differenza, il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta kandidati ġodda u oħrajn stabbiliti li diġa’ wrew x’kapaċi jagħmlu. Kandidati li jirrappreżentaw lill-poplu Malti u Għawdxi kollu b’esperjenza fi Gvern lokali u fl-Ewropa.

Bernard Grech fakkar kif il-Partit Nazzjonalista huwa dak il-Partit li daħħal lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea fejn tul dawn l-aħħar snin gawda kontinwament.

“L-għażla tiegħek hi importanti – għandek kandidati b’valuri sodi”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrimarka kif il-barranin li qabbad il-Gvern Laburista saħansitra xxaħħmu mal-€15-il miljun oħra permezz ta’ żewġ diretturi tal-Vitals sabiex għaddew ir-responsabbiltà tal-isptarijiet tal-Maltin u Għawdxin għand Steward.

Bernard Grech fakkar kif il-Partit Nazzjonalista mhux bħall-Partit Laburista mitluf jisraq il-flus tal-Maltin iżda għandu programm elettorali b’viżjoni ċara permezz tal-kandidati kollha tiegħu li lesti biex jaħdmu għal Malta, għal Għawdex, u għalik.

X’għandu lest għalik il-Partit Nazzjonalista?

  • Se jaħdem biex jinġiebu iktar fondi Ewropew biex insaħħu lis-settur tax-xogħol u settur ekonomiċi ġodda
  • Ikollna ekonomija ta’ eċċellenza li taħdem għal kulħadd
  • Fondi għal trasport alternattiv biex itejjeb il-mobbiltà
  • L-ambjent jingħata prijorità, ikun dritt għalik kemm fuq livell lokali u anke Ewropew
  • Tissaħħaħ id-demokrazija f’pajjiżna
  • Għawdex jingħata prijoritajiet differenti u b’hekk jinġiebu iktar fondi għall-Għawdxin
  • Iż-żgħażagħ jibbenefikaw minn taħriġ grazzi għas-sħubija sħiħa tal-Unjoni Ewropea
  • Il-bdiewa, raħħala u sajjieda jingħataw iktar saħħa fl-Ewropa

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar is-sitwazzjoni ddisprata li qed ngħixu ta’ kuljum f’pajjiżna –– toroq maqlugħin, edukaturi traduti, popolazzjoni li kibret bla ebda ħsieb għall-infrastruttura, spejjeż minħabba l-għoli tal-ħajja – pajjiżna spiċċa f’salib it-toroq.

“Ninsabu f’salib it-toroq – ingħaqad magħna f’dan il-mument storiku”

Bernard Grech qal li huwa se jibqa’ jaħdem flimkien mal-kandidati u membri kollha tal-Partit Nazzjonalista sabiex jassiguraw il-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Kien hawnhekk li għalaq id-diskors billi appella biex kull persuna tibqa’ kburija li hi Maltija u Għawdxija billi tassigura l-bidla li hemm bżonn f’pajjiżna. “Fit-8 ta’ Ġunju għażel lil Malta, ipproteġi lis-saħħa, investi fl-edukazzjoni, għati s-saħħa lill-Partit li jista’ jwensek, wessa’ l-orizzonti tiegħek u ta’ wliedek – kun il-bidu, it-tama, b’kuraġġ flimkien naslu u nwasslu lil pajjiżna bħala Malta ħielsa, Malta indipendenti, Malta nazzjon – dan jista’ jagħmlu biss il-Partit Nazzjonalista!” temm jgħid Bernard Grech.