Żewġ Ministri Iżraeljani, it-tnejn politiċi radikali tal-lemin, heddew li jirriżenjaw u jwaqqgħu lill-Gvern ta’ koalizzjoni, f’sitwazzjoni fejn il-Prim Ministru Benjamin Netanyahu jaqbel mal-aħħar proposta tal-Istati Uniti għal waqfien mill-ġlied f’Gaza.
Il-proposta kienet tressqet fi tmiem il-ġimgħa mill-President Amerikan Joe Biden u fl-aħħar sigħat, il-Ministru Iżraeljan għall-Finanzi, Bezalel Smotrich u l-Ministru għas-Sigurtà Naszzjonali, Itamar Ben-Gvir, it-tnejn ħaduha qatta’ bla ħabel kontra kwalunkwe ftehim dwar is-sitwazzjoni f’Gaza ‘qabel jaċċertaw mill-eliminazzjoni totali’ tal-grupp terroristiku Ħamas.
Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Iżraeljana, Yair Lapid, wiegħed li jappoġġja lill-Gvern f’każ li l-Prim Ministru Netanyahu jisħaq biċ-ċar li hu wkoll favur il-pjan.
Fl-istess ħin, Netanyahu innifsu stqarr li mgħandu jkun hemm l-ebda waqfien mill-ġlied permanenti sakemm il-qawwiet Iżraeljani jeqirdu lill-kapaċitajiet kollha militari u amministrattivi tal-Ħamas. Priorità oħra li Iżrael mhux lest li jinnegozja dwarha tinvolvi l-impenn għall-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani kollha li ilhom ix-xhur miżmumin mit-terroristi Palestinjani.
Is-sitwazzjoni anki qed tidher konfuża, b’xi konsulenti ta’ Netanyahu, fl-aħħar sigħat, jenfasizzaw li Iżrael mhux qed jiċħad b’mod assolut għall-proposta ta’ Biden — u minkejja li ‘ma jikkunsidrax il-ftehim propost bħala wieħed tajjeb’.
Il-proposta tal-Istati Uniti, fil-fatt, tibbaża fuq tlett fażijiet – bl-ewwel waħda tesiġi għal waqfien mill-ġlied, validu ghħal sitt ġimgħat u fejn it-truppi Iżraeljani jirtiraw miz-zoni ta’ Gaza ffullati biċ-ċivili Palestinjan. Il-ftehim, eventwalment, għandu jwassal għall-ħelsien tal-ostaġġi kollha, kif ukoll għall-waqfien tal-gwerra u pjan ewlieni għall-bini mill-ġdid ta’ Gaza.
//= $special ?>