Lokali

Mara tittieħed l-Isptar Mater Dei wara ħabta bejn vann u karozza

Mara ta’ 33 sena residenti l-Mosta ttieħdet l-Isptar Mater Dei wara ħabta bejn vann u karozza fi Triq il-Kostituzzjoni l-Mosta.

Mill-ewwel stħarriġ li għamlet il-Pulizija jirriżulta li vann tal-għamla Isuzu Elf, misjuq minn żagħżugħ ta’ 20 sena residenti l-Mosta, u karozza tal-għamla Volswagen misjuqa minn raġel ta’ 31 sena residenti l-Mosta wkoll, ħabtu għall-ħabta tal-11:05 ta’ filgħodu.

Fil-karozza kien hemm il-mara ta’ 33 sena li ttieħdet l-Isptar u żewġt itfal – tifel ta’ 6 snin u tifla ta’ sentejn li ttieħdu ċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Mosta sabiex jiġi żgurat li ma weġġgħux.

Intant, tim mediku u ambulanza ġew msejħa fil-post fejn ħadu lill-mara l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, filwaqt li s-sewwieqa tal-vetturi ma ġarrbu l-ebda ġrieħi. Il-mara ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi ħfief.

Triq il-Kostituzzjoni tinsab magħluqa għat-traffiku.