Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, akkuża lir-Russja u ċ-Ċina b’li qed jippruvaw inaqqsu mill-‘valur u l-impatt’ tas-summit globali għall-paċi li se jsir fl-Iżvizzera bejn il-15 u s-16 ta’ Ġunju.
L-akkuża prinċipali, f’dan is-sens, hu li r-Russja u daqstant ieħor iċ-Ċina qegħdin jippruvaw jipperswadu lill-Istati oħrajn biex ma jattendux għal dan is-summit li jsegwi sensiela ta’ konferenzi simili u li se jkun ippresedut mill-President tal-Iżvizzera, Viola Amherd.
Zelensky, waqt li kien qed jindirizza forum tas-sigurtà f’Sinapore, anki rrefera għal ‘elementi fost it-tagħmir militari tar-Russja li kienu waslulha direttament miċ-Ċina’.
Dan meta l-Istati Uniti ilha tikkuntesta l-istqarrijiet taċ-Ċina fis-sens li ‘hi qed tibqa’ newtrali’ fil-gwerra tar-Russja (alleata kbira ta’ Beijing) u l-Ukrajna.
Iċ-Ċina hi anki akkużata li bagħtet il-komponenti għall-armamenti tar-Russja u b’li ilha tixtri l-kwantitajiet kbar taż-żejt u l-gass mingħand ir-Russi biex ittaffi mill-impatt tas-sanzjonijiet tal-Punent fil-konfront tal-Kremlin u l-President Russu, Vladimir Putin.
Iż-żjara ta’ Zelensky waqt il-konferenza ta’ Shangri-la f’Singapore ma kenitx mistennija minn qabel – u meta għaliha attendew ukoll il-Kapijiet tad-Difiża minn madwar id-dinja.
Iż-żjara ta’ Zelensky saret fuq kollox biex hu jiġġenera appoġġ akbar mill-pajjiżi Asjatiċi għall-Ukrajna u meta hu anki ħeġġeġ lid-delegati f’Singapore biex huma jattendu bi ħġarhom għas-summit tal-Iżvizzera.
Sal-lum, ‘il fuq minn 110 pajjiż se jibagħtu d-delegati għas-summit tal-15-16 ta’ Ġunju– bl-istedina ma tkunx estiża lir-Russja u biċ-Ċina lanqas mhi se tkun irrappreżentata fl-Iżvizzera.
//= $special ?>