Elezzjonijiet 2024 Lokali

VOTAZZJONI BIKRIJA: 14,041 jivvutaw għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

Hekk kif ilbieraħ kien hawn l-elezzjoni bikrija, 14,041 minn 15,979 votanti rreġistrati tefgħu l-vot tagħhom fl-Eks Trade Fair Grounds, fin-Naxxar u anke fl-Experimental Farm fi Triq l-Imġarr fix-Xewkija.

Ġimgħa qabel jum l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju, sar dan il-proċess tal-early voting għal dawk kollha li rreġistraw sabiex jivvutaw qabel – b’dawk li mhux se jkunu f’pajjiżna jew se jkunu l-Isptar kellhom iċ-ċans jivvutaw fil-ġurnata tas-Sibt. Ivvutaw ukoll l-anzjani kollha li huma residenti f’dar tal-anzjani kemm f’Malta u anke Għawdex.

Dan il-proċess kien jinkludi l-voti tal-poplu Malti u Għawdxi sabiex jeleġġi s-sitt MEPs f’isem pajjiżna u l-Kunsilli kollha madwar Malta u Għawdex.

Għall-Kunsilli Lokali kien hemm turn-out ta’ 14,163-il persuna, b’16,135 li kienu rreġistrati li jivvutaw fl-early voting. Dawk li kienu rreġistrati li jivvutaw fl-early voting u ma vvutawx, xorta waħda jistgħu jivvutaw fil-jum proprju tal-votazzjoni mal-kumplament tal-votanti eleġibbli.

Intant, dawk kollha li sa issa għadhom ma ġabrux il-vot tagħhom, jistgħu jagħmlu dan sal-Ħadd mill-Kunsilli Lokali u l-Għassa tal-Pulizija, filwaqt li wara dakinhar wieħed jista’ jiġbor il-vot tiegħu mill-Kummissjoni Elettorali minn nhar it-Tlieta sa nhar il-Ħamis li ġej.

Il-kampanja tagħlaq il-Ħamis f’nofs il-lejl. Dakinhar, il-Partit Nazzjonalista se jorganizza Rally kbir fil-Pjazza tas-Siġġiewi.