43,613-il dokument tal-vot għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u aktar minn 117,000 vot għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali għadhom ma nġabrux.
Dan hekk kif minn 370,184 vot eliġibbli għall-elezzjonijiet tal-MEPs inġabru 326,571 waqt li għall- kunsilli lokali l-persentaġġ ta’ voti miġbura huwa ta’ 74.3%.
Id-dettalji ngħataw mill-Kummissjoni Elettorali waqt laqgħa mal-ġurnalisti li saret it-Tnejn waranofsinhar.
Fl-istess laqgħa ntqal li t-Tlieta, madwar 8,173 persuna jistgħu jivvutaw fit-tieni jum tal-votazzjoni fejn dawk li se jkunu qed jaħdmu waqt l-elezzjonijiet; fosthom l-AEC’s u l-Pulzija li se jkunu jistgħu jivvutaw f’dan il-jum biex jaqdu dmirijiethom fil-jum tal-elezzjonijiet.
Il-Ħamis, imbagħad se ssir il-votazzjoni fl-Isptarijiet Mater Dei, Karen Grech, Monte Carmeli u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. S’issa għadu mhux magħruf kemm-il persuna se tkun qed tivvota f’dan il-jum.
Is-Sibt, fil-jum uffiċjali tal-votazzjoni, dawk eliġibbli biex jivvutaw jistgħu jagħmlu dan f’177 post differenti minn madwar Malta u Għawdex bejn is-7:00 u l-22:00.
Il-Ħadd imbagħad isir il-process tal-għadd tal-voti.
Fid-9 ta’ filgħodu, il-poloz tal-voti se jinqalbu wiċċhom ‘il fuq u jgħaddu għall-iscaning. Ir-riżultat uffiċjali finali mistenni joħroġ wara l-11pm, għalkemm il-partiti jkollhom riżultat mhux uffiċjali ferm aktar qabel.
Intant, kemm f’jum il-votazzjoni u anke l-għada, Net Television se jkun qed iwassal programm speċjali b’aġġornamenti minn siegħa għall-oħra, u b’kollegamenti minn diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
//= $special ?>