Lokali Qorti

Angelo Gafà kien madwar il-mejda tad-deċiżjonijiet jaħarqu dwar l-iskandlu Pilatus

Il-Kummissarju Angelo Gafà kien madwar il-mejda tad-deċiżjonijiet jaħarqu dwar l-iskandlu Pilatus. Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif Repubblika kompliet bil-ġlieda tagħha għall-ġustizzja quddiem il-Maġistrat Nadine Lia.

Repubblika qed tkompli tesiġi li l-Kummissarju ma jibqax jinjora l-ordni li tah il-Maġistrat Ian Farrugia fl-Inkjesta dwar il-Bank Pilatus. Dan biex finalment jibda jmexxi kontra l-klikka ta’ kriminali li permezz ta’ dan il-bank iffaċilitaw il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus u konsegwentement ħammġu isem Malta madwar id-dinja.

Fi sfida li qed issir mill-NGO fis-seduta tat-Tnejn ħarġu fatti importanti ħafna bl-Eks Deputat Kummissarju Alexandra Mamo tammetti li l-kopji tal-emails ta’ bejnha u bejn il-kollegi tagħha li kien żvela l-President Onorarju ta’ Repubblika Robert huma awtentiċi.

Alexandra Mamo qalet, iżda, li ma tiftakarx x’kienu qalu l-awtoritajiet Amerikani meta rrispondew għal mistoqsijiet dwar transazzjoni ta’ madwar  miljun u mitt elf dollaru Amerikan li fih allegatament kienet involuta l-Egrant.

Lanqas ma tiftakar liema reati kriminali kienu inklużi fin-nolle prosequi maħruġa favur Antoniella Jane Gauci u Mehmet Tasli fuq talba tagħha f’isem Anġlu Gafà. Ma tiftakarx ukoll jekk talbitx l-assistenza ta’ Ambaxxati biex sieħeb l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, Ali Sadr Hasheminejad jiġi misjub u arrestat barra minn Malta.

Alexandra Mamo qalet li ma tiftakarx ukoll liema ordnijiet tal-Maġistrat Ian Farrugia kienu ġew obduti minna u minn Anġlu Gafà . Madankollu tiftakar ħaġa importanti fejn qalet li Anġlu Gafà kien madwar il-mejda fejn ittieħdu d-deċiżjonijiet jaħarqu dwar l-iskandlu tal-Pilatus.

Ħafna minn dawn it-tweġibiet saru waqt il-kontro eżami li sar mill-Avukat Jason Azzopardi, f’isem Repubblika li ħareġ li wara l-inkjesta Maġisterjali Pilatus Bank ħareġ li l-Istati Uniti kienu bagħtu risposti fl-2021 għar-rogatorji dwar EGRANT li ntbagħtu minn Malta wara l-inkjesta Pilatus u “suppost hemm investigazzjoni għaddejja fuq l-istess ‘EGRANT transaction’ ta’ $1.017 miljun imma li twaqqfet.

F’kumment li ta lil Net News, in-Nutar Robert Aquilina qal li sena u xahrejn ilu kien ppubblika l-ktieb Pilatus, Anġlu Gafà kien irrifjuta li jagħti spjega tal-konfoffa u l-cover-up imwettqa taħtu, bl-iskuża li eventwalment kien se jagħti rendikont taħt ġurament fil-Qorti fil-kawża li Repubblika għamlet kontrih.

Tenna li minkejja li reġgħu ttellgħu x-xhieda tal-Pulizija fil-każ il-Kummissarju ma deher imkien. Addio wegħdiet ta’ kontabbilità. Il-policy ta’ Gafà huma l-ħabi, is-skiet u d-dlam. “Aħna rridu l-verità kollha u rriduha fid-dawl tax-xemx fejn jista’ jarha kulħadd, kif inhu xieraq, temm jgħid Aquilina.