Lokali

Appell mill-Iskejjel tal-Knisja sabiex jiġu konklużi n-negozjati tal-ftehim kollettiv

Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika u l‑Assoċjazzjoni għall‑Iskejjel tal‑Knisja (CSA) jappellaw sabiex tinstab soluzzjoni bejn il‑partijiet kollha involuti, u jiġu konklużi n‑negozjati u b’hekk jiġi ffirmat il‑ftehim kollettiv il‑ġdid għall‑edukaturi fl‑iskejjel tal‑Istat u tal‑Knisja. Dan wara li fil‑jiem li għaddew saru kummenti fil‑pubbliku u anke dehru rapporti fil‑midja li jistgħu jxekklu l‑proċess.

Is‑Segretarjat u s‑CSA qed isegwu mill‑qrib l‑iżviluppi fin‑negozjati bejn il‑Gvern u l‑Malta Union of Teachers(MUT) u jirringrazzjawhom tal‑isforzi u l‑impenn tagħhom. Din hi l‑ewwel darba li l‑Iskejjel tal‑Knisja qed ikunu kkonsultati f’mumenti partikolari tul il‑proċess ta’ negozjati, pass importanti li l‑iskejjel jisħqu li għandu jkompli jinbena fuqu għall‑benefiċċju tal‑edukaturi u l‑istudenti. 

Id‑dettalji ppreżentati lill‑membri tal‑MUT il‑ġimgħa li għaddiet juru li l‑partijiet involuti rnexxielhom jaqblu dwar ħafna aspetti, partikolarment f’titjib sostanzjali fid‑dħul tal‑gradi tal‑edukaturi.

L‑għan ewlieni ta’ dan il‑ftehim, qalu s‑Segretarjat u s‑CSA, hu li jissaħħaħ b’mod sinifikanti l‑pakkett finanzjarju għall‑edukaturi kollha, filwaqt li jiġi rikonoxxut ir‑rwol importanti tal‑edukaturi fis‑sistema edukattiva kif ukoll fis‑soċjetà.