Kummerċ Lokali

Cisk Strong ippremjata bid-Deheb fit-Trophy Internazzjonali tan-Nisa

Cisk Strong għadha kemm rebħet midalja tad-deheb fil-kategorija German-style Heller Doppelbock fl-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Trophy Internazzjonali tan-Nisa, f’Mainz, fil-Ġermanja.

Din hi kompetizzjoni unika ta’ livell għoli li l-ġurija internazzjonali tagħha tkun magħmula biss minn nisa esperti. Fiha jkun hemm tasters, sommeliers, u esperti tal-inbid, fost l-oħrajn.

Il-kompetizzjoni hi rikonoxxuta mill-Ministeru tal-Agrikultura tar-reġjun Ġermaniż tar-Rhineland-Palatinate u hi ċċertifikata skont l-istandard ISO 9001. B’din iċ-ċertifikazzjoni l-produtturi jserrħu rashom mill-istandards għolja tal-kwalità u minn tastings organizzati perfett.

Fl-edizzjoni ta’ din is-sena kien hemm madwar elf kampjun, fattur li jixhed il-popolarità tal-kompetizzjoni. L-inbejjed, il-birer u l-ispirti jirbħu l-midalji wara li jkunu għaddew minn proċess ta’ għażla rigoruż ta’ valur miżjud. Kull kampjun idduqu l-ġurija internazzjonali, magħmula minn esperti nisa, u jingħata l-punti fuq sett kriterji sensorjali. Biex tiggarantixxi li jintgħażlu l-aqwa prodotti biss, il-kompetizzjoni tqassam il-midalji lil mhux iżjed minn terz tal-kampjuni ppreżentati.

Eugenio Caruana, Chief Operations Officer ta’ Simonds Farsons Cisk plc, qal li: “Aħna kburin sew b’dan l-aħħar premju li kisbet iċ-Cisk Strong. Minħabba l-kontenut alkoħoliku għoli tagħha, iċ-Cisk Strong mhix birra bħall-oħrajn, imma tissajjar bi standards għoljin ħafna u għandha kwalità mill-aktar għolja, turija tad-dedikazzjoni tagħna għall-produzzjoni tal-birra, kif stqarrew il-membri tal-ġurija. Li birra minn tagħna tkun magħrufa bħala waħda mill-aqwa fi kwalunkwe kategorija ta’ kompetizzjoni hu unur li jibqa’ apprezzat,” kompla Caruana.

Iċ-Cisk Strong hija premium lager ta’ kwalità għolja magħmula mix-xgħir, b’konsistenza magħquda, u b’togħma partikolarment ħelwa. Il-kontenut tal-alkoħol tagħha (ABV) hu ta’ 9% u hi maħsuba għal dawk li verament japprezzaw il-birra.

Michael Farrugia, Deputy Chief Executive (Beverage Business), qal li ċ-“Cisk Strong hija waħda mill-birer ewlenin tal-istrateġija internazzjonali tagħna u dawn il-kisbiet jagħtuna spinta biex nimbuttaw l-isforzi tagħna f’din id-direzzjoni.”

Iċ-Cisk Strong hija parti mill-portafoll tal-prodotti Cisk, imsajrin, imqassmin u rreklamati minn Simonds Farsons Cisk plc, u hi r-rebbieħa ta’ premjijiet internazzjonali oħra.