Erba’ żgħażagħ Taljani, li allegatament jiffurmaw parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata, ġew arrestati waqt ħidma konġunta bejn diversi sezzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija, b’rabta ma’ sensiela ta’ serq, magħruf bħala ‘snatch and grab’ ta’ ġojjellerija minn fuq persuni fi stabbilimenti tad-divertiment.
Is-Sibt li għadda, il-Pulizija ġew infurmati kważi fl-istess ħin, li hemm bżonn l-assistenza fi stabbilimenti tad-divertiment f’Ħaż-Żebbuġ u San Ġiljan. Il-Pulizija marru fuq il-post fejn f’Ħaż-Żebbuġ arrestaw żewġ ġuvintur, waqt li f’San Ġiljan, ġew arrestati wkoll żewġ ġuvintur oħra.
Mill-investigazzjonijiet li saru bejn Branki Speċjalizzati u Distretti, irriżulta li dawn iż-żgħażagħ qegħdin iduru stabbilimenti tad-divertiment fejn ikun hemm rassa kbira. Waqt li jkunu qed jiżfnu man-nies, jaħtfu u jiġbdu ġiżirajjen minn fuq l-għonq tal-vittmi u jaħarbu qalb il-folla.
L-erba’ persuni arrestati għandhom 16-il sena, 18-il sena, 21 sena u 24 sena u jgħixu l-Italja.
Huma tressqu l-Qorti matul il-jum tal-Ħadd quddiem il-Maġistrat Nadia-Helena Vella.
Tnejn minnhom – ta’ 24 sena u 21 sena – ammettew l-akkużi u ġew ikkundannati disa’ xhur ħabs u 12-il xahar ħabs, effettivi, rispettivament, waqt li l-ġuvintur ta’ 16 u 18-il sena wieġbu mhux ħatja, madankollu baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv.
//= $special ?>