Lokali

“Il-Partit Laburista jipprova jagħti l-ħażin tiegħu lil ħaddieħor” – PN

“Ramona Attard u l-Partit Laburista jaħsbu li kulħadd ipokrita bħall-Partit Laburista u jippruvaw jagħtu l-ħażin tagħhom lil ħaddieħor.”

Il-Partit Nazzjonalista qal dan fi stqarrija maħruġa fl-aħħar ħin fejn kompla jgħid li biex jipprova jiġġustifika l-frodi elettorali li għamel il-Partit Laburista u li ppruvat tagħmel cover up tiegħu Ramona Attard fis-Siġġiewi, illum Ramona Attard u l-Partit Laburista vvintaw gidba fuq il-kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius.

B’filmat li ppubblika llum Peter Agius faqa’ l-bużżieqa ta’ gidba ta’ Ramona Attard u l-Partit Laburista u wera biċ-ċar li mhu veru xejn li l-indirizz tiegħu huwa ġebel u saqaf kif qed jallega l-Partit Laburista. 

Il-Partit Laburista għandu jieqaf jipprova jiġġustifika l-ħażen tiegħu billi jivvinta l-gideb fuq ħaddieħor.

Il-poplu Malti jixraqlu gvern li jkun moħħu biex jindirizza l-problemi li qed jolqtu u jaffettwaw lin-nies u mhux jivvinta l-gideb biex jipprova jirbaħ il-punti politiċi.