Elezzjonijiet 2024 Kunsilli Lokali Lokali

Il-Partit Nazzjonalista b’garanzija ta’ kandidati li lesti jaħdmu għalik

Il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione fakkar f’konferenza tal-aħbarijiet f’Birkirkara ftit jiem biss qabel żewġ elezzjonijiet importanti, kif il-PN kien l-istess partit li welled il-gvernijiet lokali u l-istess partit li għadu sal-lum il-ġurnata jaħdem għal lokalitajiet aħjar.

Huwa semma’ l-importanza li l-poter jingħata f’idejn ir-residenti sabiex tassew jitħaddem id-dritt għal lokalitajiet aħjar, u ma nitilfux l-identità tal-irħula.

Minn naħa tiegħu, ix-Shadow Minister tal-Kunsilli Lokali, Chris Said qal li l-Partit Nazzjonalista ma ddejjaq xejn li jagħti poteri lill-kunsilli lokali, iżda b’differenza, il-Partit Laburista ħa l-poteri lura f’idejh b’riżultat li rajna toroq li għadhom fi stat diżastruż hekk kif il-Gvern ma żammx kelmtu.

Il-Koordinatur tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali, Charles Bonello, indirizza wkoll il-konferenza u fakkar kif il-Partit Nazzjonalista ppreżenta 68 programm għal-lokalitajiet kollha.

Fost il-proposti hemm dawk b’rabta ma’ Birkirkara, fejn il-Partit Nazzjonalista se jassigura li jiġġieled it-telqa li l-lokalità tħalliet fiha, ikun hemm iktar spazji miftuħa u ta’ rikreazzjoni, immaniġġjar aħjar tat-traffiku u skemi ta’ parkeġġ, fondi Ewropew għar-restawr, jitwelled settur turistiku, u jkun hemm faċilitajiet u appoġġ għall-annimali.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm it-tmien kandidati li se jkunu qed jikkontestaw għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara li huma: Antoine Attard, Jade England, Maurizio Gauci, Desirei Grech, John Mizzi, Francis Pullicino, Luke Vella, u Marie Claire Zammit Bonello.