Lokali Qorti

Kommossjoni mal-Pulizija fl-avveniment “Fight Island” jiswa lil Lilu King €10,000

Mohamed Ali Ahmed Elmushraty tilef total ta’ €10,000 f’multi u garanzija ta’ ħelsien mill-arrest wara li fl-attività Fight Island ta’ nhar il-Ġimgħa f’Ta’ Qali, ħa sehem f’konfront mhux ippjanat li involviet lill-boxer Libjan li sar kowċ.

Is-suspettant tat-traffikar tad-droga, Elmushraty, magħruf aħjar bħala Lilu King, tressaq il-Qorti t-Tnejn b’rabta ma’ ġlieda li kellu mal-Pulizija l-Ġimgħa filgħaxija, fil-post tal-attività Fight Island. L-Ispetturi tal-Pulizija Francesca Calleja u Joseph Mallia, akkużaw lir-raġel li kiser żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ pleġġ, hedded lill-uffiċjali tal-Pulizija, li m’obdiex l-ordnijiet tagħhom u li kiser il-paċi.

Mill-inqas żewġ filmati tal-inċident kienu ħarġu sussegwentement fuq il-midja soċjali, li juru lil Elmushraty jargumenta mal-uffiċjali tal-Pulizija. Bħalissa, Elmushraty jinsab barra fuq libertà proviżorja fuq akkużi relatati ma’ involviment fi grupp ta’ kriminalità organizzata b’rabtiet mat-traffikar tad-droga u l-ħasil tal-flus.

Waħda mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu hi curfew, ordni li jkun id-dar bejn id-9pm u s-7am, iżda l-avukati ta’ Elmushraty argumentaw li kien ingħata estensjoni għal dak il-curfew, li ppermettielu jibqa’ barra mid-9pm tal-Ġimgħa filgħaxija sas-2:30am tal-għada filgħodu.

Waqt l-akkużi tat-Tnejn, is-Supretendent Joseph Busuttill, l-Ispettur Francesca Calleja u l-Ispettur Joseph Mallia qalu lill-Maġistrat Kevan Azzopardi li fl-1 ta’ Ġunju Elmushraty kien ilu jikkowċja lil wieħed mill-ġellieda tiegħu f’Ta Qali meta nqalgħet kommossjoni, wara argument bejn Elmushraty u promotur tal-boxing.

Tliet uffiċjali tal-Pulizija kienu avviċinaw lill-imputat u qalulu biex jitlaq, iżda dan irrifjuta li jobdi u spiċċa jinsulenta lill-uffiċjali tal-Pulizija. Aktar tard, Elmushraty ġie arrestat fir-residenza tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ l-għada.

L-Ispettur Mallia spjega li Elmushraty kellu l-awtorizzazzjoni tal-Qorti biex ikun barra mis-sigħat tal-curfew tiegħu speċifikament għall-1 ta’ Ġunju, id-data meta kien seħħ l-inċident. “Skont il-filmati, il-Pulizija avviċinawh u qalulu biex jitlaq. Huma qattgħu madwar nofs siegħa jargumentaw. Inġabru ħafna nies u seħħet kommossjoni.”

L-ispettur spjega li l-imputat kien ġie arrestat bis-saħħa ta’ mandat, 24 siegħa wara, fit-2 ta’ Ġunju, bl-assistenza tal-uffiċjali tal-RIU. Matul l-arrest tiegħu u wara, Elmushraty kien ikkoopera u skuża ruħu, ikkonferma l-ispettur, bi tweġiba għal mistoqsijiet f’dan ir-rigward mill-bank tad-difiża.

L-avukati ta’ Elmushraty li huma Franco Debono, Josè Herrera u Adreana Zammit, qalu lill-Qorti li l-klijent tagħhom se jkun qed iwieġeb ħati, u spjegaw li “ma kellu l-ebda intenzjoni li jikser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja”.

“Hu kkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet u wera rimors. Skuża ruħu wkoll u ammetta l-ħtija fl-ewwel okkażjoni possibbli,” sostna l-Avukat Debono, filwaqt li talab lill-Qorti tqis dawn il-fatturi. L-avukat fakkar li l-emendi riċenti fil-liġi ppermettew lill-Qrati jikkonfiskaw biss parti mill-garanziji ta’ €30,000 u €9,500 ta’ Elmushraty.

Il-prosekuzzjoni ma insistietx fuq l-arrest mill-ġdid ta’ Elmushraty u qablet mas-sottomissjonijiet tad-difiża li porzjon biss mill-flus tal-garanzija tiegħu jintilef. Elmushraty ikkonferma l-ammissjoni tiegħu, meta ngħata l-ħin biex jerġa’ jikkunsidraha.

Il-pożizzjonijiet tal-partijiet kienu diverġenti biss meta ġew biex jagħmlu sottomissjonijiet dwar il-piena. Il-prosekuzzjoni insistiet fuq multa qrib it-€3,000 massimu, filwaqt li d-difiża talbet għa multa aktar fil- minimu.

Is-Supretendent Joseph Busuttil issuġġerixxa li tiġi imposta sentenza sospiża, aktar milli multa. Dr. Debono ma oġġezzjonax għal dan, iżda ssuġġerixxa rilaxx kondizzjonali u argumenta li ż-żewġ pieni kienu “kważi identiċi”.

“Il-problema hija l-avveniment,” osserva l-Maġistrat Kevan Azzopardi. “Il-hype waqt avvenimenti sportivi u l-pożizzjoni tiegħu bħala kowċ, ifisser li kowċ ikollu adrenalina daqs parteċipant.” Huwa qal lil Elmushraty li kellu jifhem kif jikkontrolla dan l-aspett, peress li dan l-inċident seta’ kellu konsegwenzi ferm agħar. “Iva maġistrat,” wieġeb l-imputat.

Fid-dawl tal-ammissjoni ta’ Elmushraty, il-Qorti sabitu ħati u imponiet multa ta’ €4,000, flimkien mal-konfiska parzjali ta’ €5,000 mid-depożitu ta’ pleġġ f’każ wieħed, u €1,000 oħra mid-depożitu ta’ pleġġ f’każ ieħor.

Il-Qorti rrifjutat li tippermetti 12-il xahar għal Elmushraty biex jiddepożita l-flus tal-pleġġ, u minfloku tatu sitt xhur żmien. Qabel ma ħalliet lil Elmushraty joħroġ mill-awla, il-maġistrat fakkru f’dak li kien fil-periklu. “Int stajt tlift il-ħelsien mill-arrest tiegħek għalkollox. Titlifx rasek waqt li tikkowċja avvenimenti sportivi.”