Internazzjonali

L-aħħar missjoni fl-ispazju: Għall-ewwel darba qed jesploraw id-‘Dark Side of the Moon’

Iċ-Ċina qed tikkonsolida postha bħala protagonista fl-esplorazzjoni tal-ispazju u meta fil-preżent qed tmexxi missjoni biex, għall-ewwel darba, jinġabru l-kampjuni tal-blat u l-ħamrija mill-aktar zona tal-qamar imbiegħda mid-dinja….Zona magħrufa wkoll bħala ‘the Dark Side of the Moon’.

Fl-aħħar tal-ġimgħa, vettura spazjali mingħajr ekwipaġġ, bl-isem Chang’e 6, għamlet inżul perfett f’din il-parti tal-qamar….Zona li, fi kliem l-esperti, għadha ‘kaxxa magħluqa’ peress li qatt qabel ma saret missjoni għall-esplorazzjoni tas-settur partikulari.

Is-settur proprju jismu South Pole-Aitken basin u l-kelliema għall-Aġenzija Ċiniża għall-Esplorazzjoni tal-Ispazju huma ottimisti li l-vettura għandha televa wħud mill-aktar blat antiki tal-qamar ladarba jirnexxilha tinżel fil-qigħ ta’ ħofra kbira indikata fuz-zona.

Il-missjoni qed issir fost element qawwi ta’ sogru minħabba li diffiċli ħafna għal forma ta’ komunikazzjoni bejn l-aġenzija u l-inġenji spazjali li jaslu f’dik il-parti tal-qamar tant imbiegħda.

Fil-fatt, iċ-Ċina hi l-uniku pajjiż li, qabel, irnexxielha f’dan l-għan – u meta fl-2019 kienet wasslet il-vettura spazjali Chang’e-4 fl-istess zona tal-qamar.