Internazzjonali

L-elezzjonijiet fir-Renju Unit: Nigel Farage jibdel fehmtu …u se jsir Kap tal-Partit Reform UK

Nigel Farage, wieħed mill-protagonisti wara l-Brexit — jew il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea — se jikkuntesta l-elezzjonijiet tas-sajf, f’pajjiżu. Dan il-U-turn qed isir ftit jiem biss wara li Farage ċaħad li kellu ‘jaqbad il-ħajja mill-ġdid bħala kandidat.’

Intant, Farage, meta kien qed jitkellem waqt avveniment politiku f’Londra, ikkonferma li se jkun il-Kap tal-Partit Reform UK li qed jattira dejjem aktar hekk-imsejħa ‘disgruntled voters’ minn fost l-elettorat.

Madankollu, il-Partit Konservattiv fil-Gvern qed jinsisti li r-Reform UK ‘mhux se jirbaħ is-siġġijiet fil-Parlament. Iżda skont it-Tories, ‘Farage se jaqdi l-iskopijiet tal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni li jrid li r-Renju Unit mill-ġdid isir parti mill-UE’.

Akkuża oħra hi li Farage għandu jgħin lill-Partit Laburista ta’ Keir Starmer biex (f’każ li jkun elett) jimponi mill-ġdid it-taxxa tal-irtirar għall-pensjonanti, filwaqt li jżid it-taxxi għall-Britanniċi li qed jaħdmu fis-setturi kollha u li fil-preżent huma inċentivati biex ikomplu jagħtu servizz għat-tul taż-żmien.