Is-servizz lejn il-poplu kien, għadu u jibqa’ l-għan ewlieni tal-Partit Nazzjonalista – bid-Deputati Nazzjonalisti jibqgħu ffukati għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi mingħajr ebda pompi.
Sostniet dan il-kandidata għall-Parlament Ewropew Louise Ann Pulis f’attività politika fl-Imsida fejn insistiet li l-PN mhux għajjur għal poter iżda l-għan tiegħu huwa biss il-ġid tal-familji tant li saħansitra ħoloq il-Kunsilli Lokali – fatt li fl-aħħar 11-il sena taħt tmexxija Laburista spiċċaw customer care glorifikat tal-Gvern.
Hija insistiet dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni fil-Kunsilli Lokali biex jipproteġu l-interessi ta’ kull ċittadin, mingħajr kulur politiku.
Dan filwaqt li Pulis insistiet dwar l-importanza tas-sħubija Ewropea ta’ pajjiżna – fejn tul is-snin laħaq livell rispettabbli u integru flimkien mal-għola stati Ewropej.
Intant, hija faħħret lill-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti li rrappreżentaw lil Malta fl-aħħar leġiżlatura, David Casa u Roberta Metsola hekk kif insistiet li min jikkritikahom u jgħidilhom li huma tradituri ta’ pajjiżna ċertament mhux qed jaraw id-differenza bejn Gvern partiġjan u l-Istat.
Louise Ann Pulis sostniet li llum id-dinja saret villaġġ wieħed u għaldaqstant meta l-Gvern jiddefendi l-indifensibbli mhux biss qed jitlef il-kredibbiltà f’pajjiżna iżda madwar id-dinja.
Dan filwaqt li spjegat li l-għatx għall-bidla qed jinħass u l-ebda stħarriġ mhuwa se jaqta’ qalb min irid il-bidla.
Hija temmet tgħid li l-għażla ta’ nhar is-Sibt li ġej hija waħda faċli la darba persuna tixtieq bidla fl-ambjent, fis-settur tas-saħħa u kontra l-isfida tal-għoli tal-ħajja.
//= $special ?>