Lokali

Miljuni nieqsa mir-riċerka kontra l-kanċer – dawn fejn marru?

Robert Abela spiċċa kkonferma il-frodi minn fuq il-kura tal-kanċer

Il-Gvern ta €6.6 miljun lill-kumpanija Mtrace għal proġett kontra kanċer – imma ħadd ma jaf x’sar minnhom dawn il-flus.

Dan ħareġ mill-Inkjesta Vitals, tant li l-Gvern spiċċa ħareġ fondi pubbliċi oħrajn biex lesta l-proġett Cyclotron – iżda dawn il-kważi €7 miljun minn flus il-poplu, b’allegat frodi minn fuq suġġett tant sensittiv – ħadd ma jaf x’sar minnhom.

Il-Prim Ministru insista li għandu tim legali biex iġib l-inqas ċenteżmu li ttieħed b’mod frawdolenti. Filwaqt li b’mod mill-aktar surreali sostna li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex iġib flus il-poplu lura – minkejja li sa qabel il-Partit Nazzjonalista ma ġabx l-isptarijiet lura kien għadu qed jimpalalhom il-miljuni – Abela insista li għaddejjin bil-passi legali.

Mistoqsi jekk jaqbilx mal-Eks Mexxej Laburista Alfred Sant dwar il-fatt li l-miġemgħa qatt ma kellha tinġabar quddiem il-Qorti, Abela sostna li l-folla kienet kalma.

Iżda meta kien mistoqsi jekk hux se jwaqqaf protesta oħra ta’ din ix-xorta, Robert Abela deher illi mhux lest li jieħu xi tip ta’ azzjoni.

Hekk kif il-Labour u Abela qed jibqa’ joħroġ għonqu għal min hu akkużat bi frodi, mistoqsi jekk il-Partit Laburista hux qed jibgħat messaġġ ħażin b’dan l-aġir, il-Prim Ministru ma żbilanċjax ruħu.

Finalment, mistoqsi mill-ġurnalisti x’inhi l-mira tiegħu għal dawn l-elezzjonijiet, Abela ta x’jifhem li jrid iżomm id-distakk ta’ 40,000.