“F’dawn is-snin ma bqajniex b’idejna marbutin, imma smajna, aġixxejna, ħdimna u wettaqna l-pressjoni tagħna li ċertament taw il-frott tagħhom.”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività politika fl-Imsida fejn saħaq li l-kisbiet tal-Partit Nazzjonalista ma jiġux mix-xejn; imma mill-ħidma, is-sagrifiċċju u l-imħabba li d-Deputati tal-PN għandhom lejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Huwa faħħar il-ħidma ta’ David Casa u Roberta Metsola fil-Parlament Ewropew – partikolarment il-ħidma ta’ David Casa f’dak li għandu x’jaqsam id-direttiva tal-Work Life Balance.
Bernard Grech saħaq dwar l-importanza li l-PN ħadem għal politika li twieżen lill-ħaddiem u grazzi għas-saħħa tal-Partit Nazzjonalista fl-Ewropa, issa qed igawdi kull ħaddiem Malti u Għawdxi.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-għan tal-PN huwa wieħed, dak li jkun hemm għal familji Maltin u Għawdxin il-ħin kollu – bħal meta kien hemm biex ġibna lura l-isptarijiet u kontra l-abort fost oħrajn.
Intant, huwa insista li l-prijorità, fost oħrajn hija l-ambjent – ambjent li ma jistax ikun jispiċċa taħt xi monopolju tal-flus, bħalma seħħ f’Wied il-Għajn, meta kunsilliera Nazzjonalisti insistew li ma ssirx marina f’din il-lokalità bil-Gvern ikollu jċedi.
Bernard Grech fakkar li l-PN dejjem poġġa l-interessi tal-poplu l-ewwel u qabel kollox fost oħrajn, ukoll f’Marsaskala, fiz-zona taż-Żonqor, hekk kif grazzi għall-għajta tal-PN il-Gvern għal darb’oħra kellu jċedi għall-pressjoni, bl-art tittieħed mill-Ġordaniżi tal-AUM wara li l-Labour kien tahom din l-art verġni.
Intant, huwa insista li l-Maltin u l-Għawdxin għandu jkollhom dritt għal ambjent b’saħħtu u dan se jkunu qed jinsistu dwaru fil-fora Ewropea.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li ma jistax ikun li l-Gvern jibqa’ jaħli l-flus f’pagi għoljin għal tal-qalba, jew saħansitra triq tispiċċa tinqala’ tlieta jew erba’ darbiet biex ipappuha l-ftit.
Għalhekk, Bernard Grech appella għal tmexxija għaqlija fejn għandha x’taqsam l-għoli tal-ħajja – għaqal li għandu jiġi mill-Gvern.
Huwa saħaq ukoll li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu jieqaf jintaxxa l-għajnuna tal-COLA u jara li l-poplu jkollu pagi aħjar, kundizzjonijiet aħjar u prezzijiet orħos, iżda insista Bernard Grech, dan jista’ jiggarantih biss Partit Nazzjonalista f’saħħtu.
Bernard Grech stqarr li s-settur tas-saħħa għandu bżonn jiġi megħjun b’kull mezz possibbli hekk kif dan huwa s-sinsla tas-soċjetà għall-ġid taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin – b’Partit Nazzjonalista fil-Gvern iġib lura l-€400 miljun mill-frodi tal-isptarijiet, li jinbena sptar ġdid f’Għawdex kif ukoll sptar għall-kura psikjatrika ġdid.
Sostna wkoll li l-poplu jixraqlu aħjarnmhux biss fis-saħħa iżda anke f’dak li għandu x’jaqsam trasport u traffiku – sitwazzjoni li l-Gvern ta’ Robert Abela tilef totalment il-kontroll tiegħu.
Bernard Grech qal li l-PN, grazzi għall-fiduċja li se jkun qiegħed jingħata, se jkun qiegħed iwettaq proposta waħda wara l-oħra bil-għan li l-ħajja taż-żgħażagħ, ġenituri u anzjani jinbidlu verament għall-aħjar.
Intqal ukoll li huwa ta’ importanza kbira li tingħata prijorità lill-Għawdex u l-Għawdxin, fost oħrajn billi jitneħħa l-vapur Nikolaus mill-flotta tal-Gozo Channel u jingħataw vapur li verament jixraqilhom.
Huwa insista li f’dan il-mument storiku ma jarax kuluri partiġjani iżda mużajk ta’ ħolm u xewqat ta’ ċittadini għatxana għal bidla – familji li jħarsu lejn futur sabiħ bħala aħwa Maltin u Għawdxin.
Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista beda d-diskors tiegħu billi sellem lill-Eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo hekk kif stqarr li fl-aħħar attività organizzata mill-PN fil-lokalità tal-Imsida, hu kien preżenti.
Dan filwaqt li sellem ukoll il-memorja ta’ Salvu Muscat – missier l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat – hekk kif insista li r-rispett huwa ta’ importanza enormi u insista li f’dawn il-mumenti m’għandhiex tidħol il-politika partiġjana.