Lokali

Rapport Ewropew ikkonferma li Malta hija l-inqas pajjiż li qed tassorbi fondi Ewropej

Rapport Ewropew li ġie ppubblikat fl-aħħar jiem ikkonferma kif il-Gvern ta’ Robert Abela falla fl-ammont ta’ fondi Ewropej li pajjiżna rnexxilu jassorbi mill-Unjoni Ewropea.

Dan irriżulta f’konferenża tal-aħbarijiet li ġiet indirizzata mill-kandidati tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Peter Agius u Miriana Testaferrata Di Noto hekk kif ftit tal-jiem ilu, mill-Parlament Ewropew ġie ppubblikat rapport bl-isem ‘Absortion rates of cohesion policy funds’, li jispejga kif Malta tinsab fl-aħħar post mill-pajjiżi membri tal-UE fir-rata ta’ kemm qed tuża fondi Ewropej.

Peter Agius insista li l-Partit Nazzjonalista kommess li jinvesti fin-nies sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jiggwadanja bl-aħjar mod possibbli mill-fondi Ewropej. Hu fakkar li Malta bħala gżira, għandna bżonnijiet speċifiċi u allura għandna nfasslu l-fondi tal-Ewropa skont il-bżonnijiet tagħna.

Minn naħa tagħha, il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Miriana Testaferrata Di Noto qalet li dan ir-riżultat ser jirrifletti ħażin fuq kull is-settur ekonomiku f’Malta, filwaqt li sostniet li tliet membri Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Nazzjonalista jassiguraw li l-fondi tal-Ewropa jiġu utilizzati bl-aħjar mod possibbli.  

Miriana Testaferatta Di Noto appellat lill-Gvern sabiex jinvesti bis-sħiħ fl-uffiċjali taċ-ċivil Maltin, sabiex pajjiżna jżid l-abbilità tiegħu u jipproċessa l-fondi Ewropej fil-ħin.