Residenti li joqogħdu fi Triq il-Kunċizzjoni, fl-Imsida, qed jesprimu l-għadab tagħhom għall-fatt li l-awtoritajiet, fosthom il-Kunsill Lokali Laburista, ilhom ħames snin jinjoraw il-fatt li s-sistema tal-ilma tax-xita qed tirriżulta f’għargħar ta’ diversi kantini.
Ir-residenti li tkellmu ma’ NET News spjegaw li ħames snin ilu saru spralli ġodda fil-bankini. Madankollu, argumentaw li dawn l-ispralli mhumiex l-ideali għal triq bħal din, magħrufa għall-ammont ta’ ilma li jgħaddi minnha meta tagħmel ix-xita.
Kawża ta’ dan kollu, il-kantini qed jispiċċaw mgħarrqa bl-ilma tant li r-residenti qed ikollhom jiffaċċjaw danni finanzjarji kbar. Huma spjegaw dan kollu lil diversi awtoritajiet pubbliċi, li iżda ma tawx kashom. L-istess il-Kunsillieri Lokali Laburisti, li farfru r-responsabbiltà.
Ir-residenti spjegaw li, għalkemm jifhmu li kwistjoni bħal din taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-Gvern, stennew li l-Kunsillieri Lokali jisimgħu l-karba tagħhom u jagħmlu l-pressjoni meħtieġa biex is-sitwazzjoni tissolva mill-aktar fis u ma jibqgħux jiffaċċjaw danni.
Fid-dawl ta’ dan kollu, ir-residenti qalu li, ladarba qed jitħallew daqstant fl-għama, mhux jeskludu li jieħdu kwalunkwe passi li tippermettilhom il-liġi.
