Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal żewġ carers ħatja li kkaġunaw il-mewt ta’ anzjana… il-Qorti tordna investigazzjoni dwar l-apparat ta’ San Vincenz

Żewġ carers nisa, waħda Indjana u l-oħra Filippina, ġew ikkundannati sena ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstabu ħatja mill-Maġistrat Monica Vella, li kważi ħames snin ilu bi traskuraġni kkaġunaw il-mewt ta’ anzjana ta’ 101 f’San Vinċenz de Paul meta waqgħatilhom minn fuq il-lifter. Tabib li kien qed jiffaċċja akkużi simili ma nstabx ħati u kien liberat.

Il-Qorti ordnat ukoll li s-sentenza tiġi għall-attenzjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paul biex issir investigazzjoni dwar l-apparati użati fil-ġarr tal-anzjani u li jekk iż-żewġ carers għandhomx jibqgħu jaħdmu Malta.

L-Indjana li għandha 37 sena u l-Filippina ta’ 44 sena, appellaw mis-sentenza filwaqt li l-prosekuzzjoni appellat mis-sentenza mogħtija lit-tabib. L-inċident seħħ fil-31 ta’ Awwissu 2019, f’Rużar Briffa Ward 3 biż-żewġ carers u t-tabib, li isimhom baqa’ ma jidhirx fis-sentenza mogħtija mill-Qorti, kienu tressqu l-Qorti mill-Ispettur Paul Camilleri wara li l-inkjesta maġisterjali kkonkludiet li kienu responsabbli għall-mewt tal-anzjana.

Sa minn meta tressqu kien hemm ordni li ma jingħataw l-ebda dettalji fuq isem u partikolaritajiet tat-tabib. Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Vella, ħareġ li l-anzjana kienet qed tinġarr permezz ta’ lifter meta waqgħet mal-art.

Wara kien issejjaħ tabib u dan ibbukjalha X-ray għall-għada, imma ftit sigħat wara l-anzjana mietet kawża ta’ attakk tal-qalb u kien għalhekk li nfetħet l-inkjesta maġisterjali. Wara li semgħet diversi persuni li jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paul, fosthom l-akkużati, il-Maġistrat Vella qalet li m’għandhiex dubju li l-kawża tal-mewt tal-vittma kienet il-waqgħa.

Il-Qorti qagħdet fuq l-esperi li kienet qabdet u rriżultalha li kieku l-anzjana ma waqgħetx, ma kinitx se tmut madwar 12-il siegħa wara, u sostniet li temmen li l-attakk f’qalbha, magħdud ukoll mal-età avvanzata tal-vittma, ġie kkawżat mill-ġrieħi li sofriet waqt il-waqgħa u l-uġiegħ li kienet qed tħoss ikkawżawti mill-ksur li ġarrbet fil-waqgħa.

Il-Maġistrat Vella qalet li l-‘carers’ kienu jafu li meta jaqa’ pazjent m’għandux jintmess qabel ma jiġi invistat mit-tabib, u sostniet li messhom sejħu għall-għajnuna u mhux qabdu u tellgħuha fuq is-sodda waqt li żiedet li kien faċli għalihom li jdoqqu l-buzzer li kull pazjent ikollu mas-sodda.

Il-Qori rreferiet għax-xiehda ta’ waħda mill-carers li qalet li l-istint tagħhom kien li jtellgħuha fuq is-sodda billi sostniet li carer m’għandhiex timxi fuq l-istint imma fuq il-professjoni u minn dak li tgħallmet fuq ix-xogħol.

Il-Qorti sostniet li ma tistax tifhem kif persuna ta’ tali età taqa’ minn taħt għajnejn żewġ semi professjonisti, li wahda minnhom tgħid li hi infermiera f’pajjiżha u li topera bħala nurse ukoll f’Malta, meta l-lifter instab li kien qed jaħdem tajjeb u li l-hammock sling kienet ukoll bla difetti.

Hija ordnat li s-sentenza tiġi komunikata lill-Kummisarju tal-Pulizija għax flimkien mal-akkużati kellhom jitressqu nies oħra, fosthom il-fiżjoterapista, waqt li qalet li għandu jiġi kkunsidrat ukoll jekk iż-żewġ carers barranin għandhomx jibqgħu jaħdmu Malta għax ma tawx is-servizz li kellhom jagħtu skont il-liġi.

Il-Maġistrat Vella ordnat ukoll li s-sentenza tiġi għall-attenzjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paul biex issir investigazzjoni dwar il-lifters, hoists, hammocks u slings użati.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Paul Camilleri filwaqt li l-Avukat Shazoo Ghaznavi deher għal Indjana u l-Avukat Vince Micallef deher għall-Filippina. Għat-tabib deher l-Avukat Michael Sciriha.