Malta ħadet vuċi 20 sena ilu grazzi għall-ħidma tal-Partit Nazzjonalista meta daħħal lill-pajjiżna fl-Unjoni Ewropea – b’familji Maltin u Għawdxin jiksbu vuċi fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Sostniet dan il-kandidata għall-Parlament Ewropew Miriana Calleja Testaferrata de Noto waqt attività politika fl-Imsida hekk kif saħqet li ninsabu ftit jiem ‘il bogħod minn elezzjonijiet importanti ferm – kampanja li grazzi għaliha ltaqgħet u semgħet lil bosta… u fejn setgħet anke ħadet azzjoni.
Hija staqsiet jekk preżentament pajjiżna hux qed jikseb kull fondi Ewropej possibbli u jekk hux qed jimmassimizza dan bl-aħjar mod possibbli.
Miriana Calleja Testaferrata de Noto nnotat nuqqas ta’ ppjanar min-naħa tal-Gvern f’dan il-qasam hekk kif il-Gvern Malti kklassifika fl-aħħar post f’dak li għandu x’jaqsam stati membri li qed jużaw il-fondi Ewropej.
Hija saħqet li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu jinvesti aktar b’saħħa u b’qawwa.
Dan filwaqt li insistiet li l-poplu għandu jivvota għall-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista sabiex verament nużaw l-għodda tal-Unjoni Ewropea bl-aħjar mod possibbli bil-għan li jibbenefikaw bl-aħjar mod, it-tfal, l-anzjani, il-ħaddiema, iż-żgħażagħ u l-ġenituri Maltin u Għawdxin.
Hija temmet tgħid dwar l-importanza tal-vuċi taż-żgħażagħ – u insistiet li wasal iż-żmien li ż-żgħażagħ infushom jaslu għall-bidla – mingħajr ebda biża’ għal futur aħjar.
//= $special ?>