Lokali Qorti

Eks Pulizija u s-sieħeb tagħha mixlija li vvintaw storja ta’ ħtif u talbu €3,000 lill-ġenituri għad-droga

Koppja residenti Ħal Qormi ġew akkużati li kkonfoffaw biex jippruvaw jakkwistaw €3,000 illegalment. Il-mara u r-raġel kienu miċħuda l-ħelsien mill-arrest wara li allegatament iffalsifikaw il-ħtif tal-mara akkużata biex jakkwistaw flus mingħand wieħed mill-ġenituri tagħha.

Dawn meta kkonfoffaw billi qalu li l-mara akkużata, li hi eks pulizija, kienet inħatfet minn xi ħadd li kienet qed jitlob il-flus biex tinħeles. Darren Spiteri ta’ 44 sena minn Ħal Qormi u Graziella Francalanza ta’ 43 sena minn San Ġiljan, it-tnejn wieġbu mhux ħatja ta’ akkużi ta’ attentat ta’ estorsjoni, użu ħażin ta’ tagħmir tat-telekomunikazzjoni u ġarr ta’ sikkina fil-pubbliku mingħajr permess tal-pulizija. Francalanza kienet akkużata wkoll b’reati ta’ sewqan filwaqt li Spiteri waħdu kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-pleġġ.

L-Ispettur tal-Pulizija Roderick Attard qal lill-Maġistrat Gabriella Vella li omm il-mara kienet marret l-Għassa ta’ San Ġiljan biex tirrapporta li rċeviet telefonata mingħand bintha, li sostniet li nħatfet għas-somma ta’ €3,000. F’ħin minnhom waqt it-telefonata, is-sieħeb ta’ bintha, l-akkużat Spiteri – kien kellimha wkoll.

Il-ġenituri ta’ Francalanza qalu lil min wettaq “il-ħtif”, li ma kellhomx aċċess għal €3,000 iżda kkonvinċewh li minflok jaċċetta €80. Il-Pulizija marru fil-post indikat fi Triq Blanche Huber, Tas-Sliema, fejn sabu lit-tifla tal-koppja mhux marbuta u fl-ebda periklu. Aktar investigazzjonijiet issuġġerew li l-akkużati kellhom il-ħsieb li jieħdu l-flus biex jixtru d-droga.

Iż-żewġ imputati wieġbu mhux ħatja permezz tal-avukati tagħhom, Marion Camilleri u Franco Debono. Intalbet ukoll il-libertà proviżorja. L-Ispettur Attard oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest u sostna li x-xhieda prinċipali kienu wieħed mill-ġenituri tal-akkużati, u dan kien ta’ “riskju serju u manifest” għall-evidenza.

Żied jgħid li l-vizzju tad-droga tal-koppja kien ifisser li kien hemm riskju akbar li dawn iwettqu aktar reati. Dr. Camilleri argumentat li ma kien hemm “assolutament ebda verità” għad-dikjarazzjoni li l-vizzju tad-droga kien aktar probabbli li jwettqu reati, filwaqt li rrimarkat li l-kundanni preċedenti ta’ Spiteri kienu antiki ħafna filwaqt li l-mara għandha kondotta tajba. Staqsiet għaliex il-Pulizija ma kinitx talbet dikjarazzjoni jew stqarrija mill-ġenituri tal-mara jekk kien hemm tali riskju għax-xhieda.

“Il-libertà m’għandhiex tkun l-eċċezzjoni,” sostniet l-avukat. “Ilni naf lil Graziella sa minn meta konna tfal. Hija eks uffiċjal tal-pulizija u hija tal-mistħija li taraha mċaħħda mil-libertà tagħha għal raġunijiet attribwibbli għall-prosekuzzjoni.” Francalanza kellha żewġt itfal, wieħed ta’ disa’ snin u ieħor ta’ 20 sena, żiedet tgħid l-avukat.

Il-Qorti, wara li semgħet is-sottomissjonijiet fuq pleġġ, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati, minħabba l-fatt li l-allegati vittmi huma l-ġenituri anzjani tal-akkużata u kienu magħrufa wkoll mal-akkużat ieħor li huwa s-sieħeb ta’ Francalanza. “F’dan l-istadju r-riskju ta’ tbagħbis tal-evidenza huwa reali u għalhekk it-talba hija prematura.”

Il-Qorti għamlet rakkomandazzjoni li d-direttur tal-ħabs għandu jagħtihom għajnuna biex jegħlbu d-dipendenza tagħhom mid-droga.