Lokali

Erbat ijiem qabel l-elezzjonijiet Abela jibqa’ jitkarrab għal dak li qed isejjaħ “mandat ieħor”

Erbat ijiem qabel l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju, Robert Abela għadu qed jitkarrab għall-voti – tant li issa b’mod uffiċjali minflok qiegħed iħalli f’idejn il-kredibbiltà tal-kandidati tiegħu għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali – dawwar din l-elezzjoni f’vot ta’ fiduċja fih.

Fi pjazza fil-Birgu, Robert Abela ssokta jwerwer bl-establishment u insista li billi n-nies jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista jew xi kandidat Indipendenti… il-problemi li għandhom mhux se jissolvew. Bl-għajta… f’madwar 9 minuti diskors tibqa’ waħda – dik ta’ disprament biex ma jitlifx l-40,000 vot vantaġġ fi ftit aktar minn sentejn.

Narrattiva li mhux biss għafas fuqha l-Mexxej tal-Labour imma saħansitra l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba, li insista li l-Laburisti għandhom iwasslu sinjal ta’ appoġġ… mhux lilu jew lil sħabu… imma lil Abela.

Minkejja l-iskandli kollha, minkejja l-għajta ta’ poplu li mhux qed tinstema’, minkejja l-fatt li tul dawn is-snin il-familji Maltin u Għawdxin tħallew jistennew sigħat twal fl-isptar minħabba r-regħba ta’ wħud tal-qalba… jew imwaħħlin jaħlu ħinhom fit-traffiku…. Agius Saliba appella lill-poplu biex nhar is-Sibt jivvotaw… biex Abela jibqa’ jmexxihom.

Dan minkejja li Abela ma jrid jagħmel xejn quddiem is-sewwa magħruf, u minkejja jibqa’ jiddefendi l-indifensibbli wara s-serqa ta’ miljuni ta’ ewro minn Vitals u Steward.

Iżda għal Alex Agius Saliba u Robert Abela – vot nhar is-Sibt ifisser pass ieħor biex jibqgħu jsaħħu l-poter.