Elezzjonijiet 2024 Kunsilli Lokali Lokali

FIS-SIĠĠIEWI: Il-Partit Nazzjonalista kommess li f’seba’ snin isiru l-bankini

Il-ħames snin ta’ Kunsill Lokali Laburista fis-Siġġiewi raw l-abbanduna tat-toroq tar-raħal kompletament, tant li issa huwa evidenti n-numru kbir ta’ bankini li huma ta’ periklu enomri għar-residenti u persuni li jżuru din il-lokalità.

Fil-fatt, kienu ħafna dawk li kkuntattjaw lil Net News fejn urewna l-periklu kbir li dawn il-bankini qed iħallu għal kull min jagħmel użu minnhom. B’persuni li jkunu għaddejin bit-trabi tagħhom u oħrajn li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti jgħidulna li dan in-nuqqas ta’ investiment qed iħalli effett negattiv fuq l-aċċessibbiltà.

Net News innota kif matul dawn l-aħħar ħames snin, minkejja talbiet kontinwi minn kunsillieri Nazzjonalisti, ir-rappreżentanti Laburisti injoraw il-ħtieġa ta’ bankini ġodda; tant li lanqas imqar bankina waħda li tinsab fi stat diżastruż ma saret fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali.

B’differenza, il-Partit Nazzjonalista għandu proposta ċara għal din is-sitwazzjoni – li jekk il-kandidati Nazzjonalisti jingħataw il-fiduċja fit-tmexxija tal-Kunsill Lokali, fi żmien seba’ snin jittranġaw il-bankini kollha tas-Siġġiewi.

Din il-proposta saret fl-aspett ta’ pjan ħolistiku fejn fl-ewwel xhur jiġu identifikati l-bankini kollha tas-Siġġiewi u maqsuma f’kategoriji. B’hekk jiġi deċiż liema minnhom se jsiru minn fondi tal-Kunsill Lokali u liema minnhom b’fondi Ewropej jew dawk tal-Gvern Ċentrali.

Dan se jsir mhux biss għal bankini isbaħ iżda wkoll għal esiġenzi bażiċi tal-lum, aċċessibbiltà aħjar għar-residenti… għal lokalità aħjar għalik.