Il-ġimgħa li għaddiet, il-Fondazzjoni HSBC f’Malta fakkret il-25 anniversarju tagħha billi inawgurat it-tieni fażi bħala parti mir-rinovazzjoni li qed isir fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin, u li għadu kif ingħata l-ħajja mill-ġdid. Biex timmarka dan it-tragward importanti, il-Fondazzjoni ħabbret b’sodisfazzjon kbir li n-numru ta’ siġar u arbuxelli li tħawlu f’dan is-sit kompla jikber. Mill-2006 ‘l hawn, sal-lum, l-ammont ta’ siġar li tħawlu żdied għal 20,000.
Matul dawn l-aħħar 18-il sena, il-Fondazzjoni HSBC f’Malta kienet konsistenti u determinata li tkompli bl-impenn tagħha favur is-sostenibbiltà ambjentali. L-aħħar fażi fl-iżvilupp ta’ dan is-sit ra t-tħawwil ta’ xejn inqas minn 5,000 siġra oħra, biex b’hekk it-total ta’ sigar li għadna llum jammonta għal 20,000. Din l-inizjattiva, mhux biss turi l-impenn u l-kuxjenza tal-Bank favur it-tisbiħ tal-ambjent tagħna għal dan it-tul taż-żmien, iżda wkoll tenfasizza d-dedikazzjoni tal-Fondazzjoni HSBC għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tisħiħ tal-wirt naturali ta’ Malta.
Waqt iż-żjara se tinkixef lapida kommemorattiva biex tiċċelebra, u tibqa’ tfakkar din il-kisba tant sinifikanti. Fl-istess waqt din il-lapida tirrikonoxxi l-isforzi kontinwi tal-Fondazzjoni HSBC f’Malta, fil-preservazzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tagħna lkoll.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC f’Malta, Geoffrey Fichte, qal: “li nilħqu dan it-tragward huwa mument ieħor importanti iżda fuq kollox pass ieħor rivoluzzjonarju għalina lkoll fil-Fondazzjoni HSBC f’Malta. L-impenn tagħna lejn l-ambjent ma jfissirx biss it-tħawwil tas-siġar, iżda jissimbolizza t-trawwim ta’ futur sostenibbli għal pajjiżna. Kull siġra mħawla fi Xrobb l-Għaġin, hi prova ħajja tad-dedikazzjoni kontinwa tagħna biex niġġieldu l-isfida dejjem tikber tal-tibdil fil-klima u nipproteġu l-bijodiversità unika tagħna.”
Il-President Eżekuttiv ta’ Nature Trust FEE Malta, Vincent Attard, qal “f’Malta, l-HSBC dejjem kienet waħda mis-sħab korporattivi li tappoġġja l-impenn ambjentali. Matul dawn l-aħħar snin, l-HSBC kien qed jappoġġja l-organizzazzjoni tagħna fl-edukazzjoni għal proġetti ta’ żvilupp sostenibbli u ta l-appoġġ sħiħ tiegħu fir-riċerka u l-konservazzjoni tal-Biodiversità. Kien hemm ukoll tragward ieħor importanti u ewlieni, fejn għal darb’oħra l-HSBC kien ta’ appoġġ kbir lejn il-kwistjoni tat-Tibdil fil-Klima. Permezz tas-CSR ta’ HSBC, din l-isfida ambjentati kienet indirizzata u appoġġjata, flimkien ukoll mal-ħidma tal-NTM f’dan il-qasam. L-HSBC mexa l-vjaġġ tal-proġett ta’ Xrobb l-Għaġin, sa mill-bidu tal-vjaġġ tiegħu fl-2004. Ikkontribwixxa b’investiment sostanzjali ta’ 20,000 siġra u arbuxell bħala parti mill-wirt naturali tagħna u għal dan aħna bħala NTM, flimkien mal-bqija tas-soċjetà, ninsabu grati għal impenn tant meqjus u bżonjuż mill-Bank.”
Il-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin, magħruf għall-bijodiversità rikka u l-pajsaġġi mill-isbaħ tiegħu, ibbenefika ħafna mill-isforzi tal-Fondazzjoni. Is-siġar u l-arbuxelli li tħawlu matul is-snin li għaddew, mhux biss komplew jagħtu dehra isbaħ u naturali lil dan il-Park, iżda wkoll kellhom rwol kruċjali fl-appoġġ tal-ħajja selvaġġa lokali, fit-titjib tal-kwalità tal-arja, u fil-provvediment ta’ ambjent seren għal dawk li jmorru biex iżuruh.
//= $special ?>