Elezzjonijiet 2024 Għawdex Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Għawdxi jistħoqqlu aħjar” – Norma Camilleri

Il-kandidata għall-Parlament Ewropew Norma Camilleri f’attività politika fi Pjazza Santu Wistin, Għawdex, bdiet id-diskors tagħha billi saħqet li l-iskop ewlieni tal-politika għandu jkun dejjem li sservi lill-poplu u mhux li timla l-but għax inkella tkun tlift il-boxxla. Hija saħqet li politikanti bħal Roberta Metsola u David Casa tkellmu kontra l-korruzzjoni iżda ġew mgħajra.

Norma Camilleri indirizzat id-diversi sfidi li jiltaqgħu magħhom l-Għawdxin kollha minħabba n-negliġenza tal-Gvern tal-Partit Laburista. Hi saħqet li għandna evidenza biżżejjed li l-Għawdxin intesew. Fil-fatt hi staqsiet fejn huma l-fondi għat-toroq t’Għawdex, ir-ringroad tar-Rabat kif ukoll il-koordinazzjoni bejn il-Gozo Channel u s-servizzi tal-Fast Ferry biex jiffaċilitaw il-ħajja tal-Għawdxin.

Camilleri qalet li l-Partit Nazzjonalista se joffri appoġġ għall-produzzjoni ta’ kwalità aħjar, isaħħaħ it-trasport pubbliku kif ukoll jibdew diskussjonijiet serji kif nistgħu nużaw it-trasport bil-baħar għall-vetturi kummerċjali. Hija saħqet li għandu jispiċċa ż-żmien li l-politikanti jingannaw lill-elettorat.