It-tim nazzjonali Malti tal-Veterani ddomina l-konfront kontra l-Ingliżi ta’ Whitegate United tant li rebħulhom 6-1 f’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet fiċ-Charles Abela Stadium, fil-Mosta.
Il-Maltin immexxija mill-kowċ Joe Micallef, kienu qed jirbħu 1-0 sal-intervall sabiex fit-tieni taqsima saħansitra żiedu ħamsa oħra għal rebħa tennistika.
Kien Adam Smeir li poġġa lill-Maltin minn fuq fil-35 minuta sabiex Ian Zammit irdoppja l-iskor mas-siegħa logħob.
Fis-67 minuta, il-Maltin għamluhom 3-0 wara li David Azzopardi għadda lil Luke Satariano li ma żbaljax.
Minkejja li Whitegate United naqqsu l-iskor fil-71 minuta, il-Maltin baqgħu konċentrati u skorjaw tliet gowls oħra permezz ta’ Daniel Cremona, ġmiel ta’ freekick ta’ Kevin Sammut, u gowl ieħor ta’ Adam Smeir li b’hekk għaqqad doppjetta personali.
//= $special ?>