Lokali Qorti

Jingħata l-pleġġ wara li ġie mixli li weġġa’ gravi lil sieħbu

Somalu ta’ 33 sena li joqgħod Birżebbugia, ġie mixli li weġġa’ gravi lil sieħbu wara li l-vittma allegatament seraqlu €150. Abdulfatah Abdullahi Gafow, li jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi.

Il-vittma nstab mill-Pulizija mixħut mal-art u b’diversi ġrieħi f’Birżebbugia fejn ittieħed mill-ewwel l-Isptar Mater Dei. Permezz tal-Avukat tiegħu Gafow talab għall-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha minħabba li l-vittma għad irid jixhed kif ukoll li l-akkużat u l-vittma joqogħdu fl-istess residenza u għalhekk il-vittma ma jkunx protett.

Fil-Qorti xehed rappreżentant mill-komunità tas-Somali, li qal li l-vittma jixtieq jaħfer lill-akkużat iżda ma setax ikun preżenti minħabba li ħassu ma jiflaħx u mar għall-osservazzjoni fiċ-ċentru tas-saħħa.

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar, jiddepożita €500 u jagħmel tajjeb b’garanzija personali ta’ €7,500 waqt li ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Juliana Magro Conti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Roderick Agius, waqt li għall-akkużat dehret l-Avukat Francesca Zarb.