L-Inkjesta Maġisterjali li kienet ilha għaddejja ħames snin dwar il-power station tal-Electrogas, issa hi konkluża. L-Inkjesta kienet infetħet mill-Avukat Jason Azzopardi f’isem David Casa, Repubblika u Simon Busuttil. Din kienet ikkonfermata mill-Avukat Azzopardi stess.
“L-esponenti primarji tal-Gvern tal-Partit Laburista u numru ta’ negozjanti se jkollhom jiġu akkużati b’tixħim u ħasil ta’ flus,” qal l-istess Avukat Jason Azzopardi lil NET News. L-Inkjesta, immexxija mill-Maġistrat Charmaine Galea, eżaminat allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni relatati mal-power station tal-Electrogas, kif ukoll il-kumpaniji fil-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, kif ukoll il-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech.
L-Inkjesta Maġisterjali investigat ukoll il-kumpanija Macbridge, li allegatament inħolqot biex jgħaddu flus f’kickbacks lil Keith Schembri u Konrad Mizzi, kif ukoll il-kumpaniji tagħhom fil-Panama, fejn allegatament kellhom jirċievu dawn il-flus.
Din l-Inkjesta (li fiha tliet inkjesti f’waħda) hi ta’ ċertu kobor u li tista’ twassal biex esponenti ewlenin tal-Gvern jiffaċċjaw akkużi fil-Qorti. Dan l-iskandlu jissemma’ wkoll fir-rapport konklussiv tal-Inkjesta Pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-Bord tal-Inkjesta Pubblika tal-ġurnalista kien saħaq li “hemm livell ieħor ta’ kriminalità organizzata li jinvolvi persuni li mhumiex professjonalment kriminali… fin-negozju, fl-amministrazzjoni pubblika u fil-politika li jiddeċiedu li jaġixxu flimkien biex jakkwistaw gwadann b’mod illeċitu jew illegali.
Il-Bord kien afferma li l-Gvern falla fil-mentalità tal-business fejn kull proġett maġġuri inizjat mill-Gvern, spiċċa kellu dellijiet ta’ irregolaritajiet, abbuż ta’ poter u korruzzjoni.
Allegazzjonijiet li jimplikaw li negozjanti involuti f’dawn il-proġetti għamlu jew kienu intenzjonati li jagħmlu qligħ minn fuq dahar il-poplu, anki f’xi okkażjonijiet id f’id ma’ personalitajiet politiċi ewlenin involuti fit-twettieq tal-istess proġetti.
Il-proġett tal-Electrogas hu wieħed minn dawn il-proġetti li dwaru l-Awditur Ġenerali kien esprima riservi kbar dwar ir-regolarità tal-proċeduri. Mill-Inkjesta Pubblika, irriżulta li l-Electrogas ma kienx l-uniku proġett inkwinat f’sistema intiża biex jinħolqu abbużi.
Sistema li “spiċċat biex imminat kull regola ta’ governanza tajba li tassigura t-trasparenza u l-kontabbiità. Sistema li spiċċat biex tat lok għal abbużi gravi.” L-Electrogas, kien forsi eżempju klassiku ta’ dan l-inkwinament għaliex kien jinvolvi proġett ewlieni tal-gvern li kien impenjat li jirrealizzah fl-iqsar żmien possibbli wara l-elezzjoni.
Bir-rivelazzjonijiet tagħha, Daphne Caruana Galizia kienet qed tikxef dawn is-sistemi u l-inkjesta tgħid li kienet qed “tipperikola ‘sistema’ komda li minnha l-persuni involuti kienu qegħdin jakkwistaw vantaġġi kbar u kienu qed jippjanaw aktar għall-futur.”
Il-verità hi li l-iskandli seħħew għaliex kien hemm persuni li approfittaw ruħhom mill-politika biex iħaxxnu bwiethom, kien iddikjara l-Bord tal-Inkjesta fir-rapport konklussiv.