Kunsilli Lokali Lokali

“L-applikazzjoni tal-impjant tat-tarmak u l-konkos għadha hemm” – PN

Għalkemm diġà għaddew aktar minn 15-il ġurnata minn meta Robert Abela, fiż-Żurrieq, wiegħed lir-residenti Mqabbin u Qrendin li l-impjant tat-tarmak u l-konkos fuq art barra z-zona ta’ żvilupp fl-inħawi ta’ bejn l-Imqabba u l-Qrendi ma kienx se jsir, sal-lum din l-applikazzjoni għadha attiva u għalhekk, suġġetta li jinħarġu l-permessi meħtieġa biex fil-fatt jibda jopera fil-viċinanzi ta’ dawn l-irħula.

Ir-residenti tal-Imqabba u l-Qrendi jridu serħan il-moħħ li dawn l-impjanti ma jkunux installati bieb u għatba mal-irħula tagħhom u għalhekk, biex dan isir, din l-applikazzjoni li għadha pendenti mal-Awtorità tal-Ippjanar trid tkun irtirata b’ mod immedjat u qabel l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju. Fin-nuqqas ta’ dan, il-wegħda ta’ Robert Abela tkun biss waħda fiergħa ta’ qabel l-elezzjoni.

Anke fl-Imqabba u fil-Qrendi, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li l-kandidati tiegħu eletti fil-Kunsilli Lokali rispettivi tagħhom ikunu hemm ghalik billi jissalvagwardjaw l-interessi tar-residenti u tal-lokalità tagħhom u mhux iservu ta’ paravendu għad-deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern.

Din l-istqarrija hija ffirmata mill-kandidati f’isem il-Partit Nazzjonalista fuq l-Imqabba Matilde Farrugia, Michelle Farrugia, Noel Galea u Owen Sciberras; kif ukoll mill-kandidati f’isem il-Partit Nazzjonalista fuq il-Qrendi Nina Briffa, Karmenu Farrugia u Raymond Psaila.