Ir-rapport tal-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija 17 Black u l-Panama Papers għandu jiġi ppubblikat mill-Avukat Ġenerali m,ingħajr aktar dewmien biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun jaf min hemm warajhom.
Sostna dan ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina, fi stqarrija.
Iktar minn hekk il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija ma jħarsu lejn wiċċ ħadd u għandhom minn issa pubblikament jiddikjaraw li qegħdin jagħmlu tagħhom il-konklużjonijiet tal-Maġistrat.
L-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija għandhom id-dover u r-responsabbilità lejn il-poplu Malti li jiddedikaw ir-riżorsi umani u finanzjarji kollha meħtieġa biex fl-iqsar żmien possibbli jaġixxu skont il-konklużjonijiet tal-inkjesta u jressqu l-Qorti lil dawk il-persuni, huma min huma, li hemm wara l-kumpanija 17 Black u dak li ġie żvelat mill-Panama Papers.
L-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal Pulizija minn issa qed jinżammu responsabbli jekk dan ir-rapport tal-inkjesta jerġa’ jispiċċa f’idejn Robert Abela b’mod abbużiv u illegali sabiex, bħalma ġara fil-każ tal-inkjesta Vitals, jkun jista’ jagħmel stqarrijiet u kummenti pubbliċi li bihom jipprova jiddetta u jinfluwenza l-proċess ġudizzjarju għall-vantaġġ politiku tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija 17 Black u l-Panama Papers inbdiet għadd ta’ snin ilu fuq inizjattiva tiegħu taħt it-tmexxija tal-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kif ukoll fuq inizjattiva tal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa u tal-għaqda Repubblika bl-għajnuna ta’ Dr Jason Azzopardi. Dan seħħ wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia żvelat l-eżistenza tal-kumpanija 17 Black u r-rabta tagħha mal-Eks-Ministru Konrad Mizzi u l-Eks-Chief of Staff Keith Schembri.
//= $special ?>