Għaddew ħafna snin minn meta sors kuraġġuż għaddieli rapport tal-FIAU li s-superjuri tagħhom kellhom il-ħsieb li jidfnu. Meta ħadtha għand il-Maġistrat, id-Deputati Laburisti ta’ dak iż-żmien kienu talbu biex jibdew proċeduri kriminali kontrija. Minkejja t-theddid kollu, eventwalment ippublikajt dak ir-rapport, għax kont konvint li l-pubbliku għandu jkun jaf il-verità. Edward Scicluna, li għadu jinsisti li jokkupa kariga pubblika minkejja akkużi kriminali, ma tilef l-ebda ħin biex jipprova jiskreditah billi jgħid li nkiteb biex jiġi leaked.
Bi ftit tama li Korp tal-Pulizija maħtuf jagħmel xogħlu, permezz tal-avukat Jason Azzopardi u flimkien ma’ Simon Busuttil u Repubblika, talbu l-ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali u l-inkjesta 17 Black ingħaqdet ma’ dik tal-Panama Papers. Illum, ninsabu infurmati li din l-inkjesta, li investigat fost l-oħrajn ir-relazzjoni bejn 17 Black, Konrad Mizzi u Keith Schembri, ġiet konkluża.
Ħaqqna ġustizzja. Fil-qofol tiegħu dan il-każ huwa dwar it-tradiment tal-poplu Malti minn mafja li poġġiet ir-regħba tagħha fuq kollox. Iżda l-ġustizzja issa tista’ tintlaħaq u fl-aħħar qed naraw ir-riżultati tal-ħidma li bdejna tant snin ilu. Minn issa ‘l quddiem, irridu nsaħħu aktar l-isforzi tagħna sabiex niżguraw li l-ġustizzja ma tiġix imminata u mfixxkla.
Se nkun qed nitlob formalment kopja tal-inkjesta fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>