Libjan ġie akkużat li daħal fid-dar tas-sieħba tiegħu jum wara li hi temmet ir-relazzjoni tagħhom u li sawwatha b’xambrella tal-injam imfarrka fuq każ ta’ għira. Ir-raġel ta’ 42 sena mwieled Tripli, ġie skortat il-Qorti taħt arrest wara li l-eks sieħba tiegħu ppreżentat rapport fit-taqsima tal-vjolenza domestika tal-Pulizija fil-31 ta’ Mejju.
Il-mara rrakkontat kif l-eks koppja kienet ilha tiġġieled minn filgħodu, kollu minħabba l-“għira żejda” tar-raġel. Hija kienet ippruvat tkisser ir-relazzjoni miegħu l-ġurnata ta’ qabel u kienet saħansitra talbet lura ċ-ċwievet tad-dar tagħha biex iżżomm lir-raġel ‘il bogħod minnha.
Iżda meta rritornat lura d-dar wara li għamlet xi qadi, sabet lill-akkużat ġewwa. Mhux l-ewwel darba li ġara dan, qalet il-mara lill-Pulizija, waqt li spjegat kif l-akkużat kien jaqbeż minn fuq il-bjut tal-ġirien biex jaċċessa r-residenza tagħha jew jidħol minn ġewwa mill-gallarija.
Din id-darba, inqala’ argument bejn l-eks koppja u hekk kif ir-raġel sar aktar aggressiv, aggrediha fiżikament. Il-mara issakkret ġewwa l-kamra tas-sodda ta’ bintha ta’ 11-il sena iżda l-akkużat kisser il-bieb, qabad biċċa injama mfarrka tax-xambrella u sawwatha f’wiċċha biha.
L-attakk irriżulta f’ferita fl-għajnejn li aktar tard ġiet iċċertifikata minn tabib bħala waħda gravi. Ir-rapport tal-mara wassal għal tfittxija għas-suspettat li nstab nhar it-Tnejn. “Hu aġixxa wkoll b’mod arroganti fil-konfront tiegħi,” temmet tgħid il-prosekutar l-Ispettur Audrey Micallef.
L-akkużat wieġeb mhux ħati li weġġa’ gravi lill-vittma, li kkaġuna li tibża’ mill-vjolenza, insulentaha u heddidha, kif ukoll li volontarjament għamel ħsara fil-proprjetà tagħha. Huwa naqas ukoll milli javża lill-Pulizija dwar bidla fid-dettalji tal-karta tal-identità tiegħu.
L-avukat tal-għajnuna legali tiegħu, Ilona Schembri, ma għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest peress li l-akkużat kien qed jgħix mal-allegata vittma. Madankollu, l-avukat talbet li jiġu pprojbiti l-ismijiet sabiex tiġi protetta l-identità tal-allegata vittma u ta’ bintha ż-żgħira li ma kinitx bint l-akkużat.
Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talba u l-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, ordnat projbizzjoni fuq l-ismijiet kollha. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fir-rigward tal-allegata vittma u bintha, li kellha tidħol fis-seħħ sas-sentenza finali.
L-avukat tal-AĠ Federico Barbaro Sant u l-Ispettur Audrey Micallef mexxew il-prosekuzzjoni. L-Avukat Ilona Schembri kienet l-avukat tal-għajnuna legali għall-akkużat.