Lokali

Mass Rally fis-Siġġiewi li bih il-PN se jagħlaq il-kampanja elettorali

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħlaq il-kampanja elettorali permezz ta’ Mass Rally li se ssir nhar il-Ħamis li ġej fil-Pjazza tas-Siġġiewi.

Din l-attività se tkun qed issir lejlet festa pubblika; attività li tibda fis-7pm u se tilħaq il-qofol tagħha bid-diskors min-naħa tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino, tkellem ma’ Net News dwar it-tħejjijiet li għaddejjin għal din l-attività – u l-importanza li n-nies ikunu parti minn din iċ-ċelebrazzjoni unika li tagħlaq il-kampanja pożittiva li kellu l-PN fl-aħħar sitt ġimgħat.

Il-Partit Nazzjonalista ilu mill-bidu tal-kampanja elettorali viċin in-nies permezz ta’ attivitajiet varji f’diversi lokalitajiet.

Kif inhi t-tradizzjoni, il-Ġimgħa hija ġurnata li matulha ma jixxandrux messaġġi politiċi.

Imbagħad, is-Sibt issir il-votazzjoni f’żewġ elezzjonijiet importanti – tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew – bil-Partit Nazzjonalista qed joffri għażla ta’ kandidati ġodda u oħrajn b’esperjenza kbira li kapaċi jaħdmu favur pajjiżna, kemm fuq livell lokali u anke dak Ewropew.