Elezzjonijiet 2024 Għawdex Lokali

“Partit Nazzjonalista magħqud wara Bernard Grech li kapaċi jġib riżultat tajjeb” – Alex Borg

Ix-shadow minister Alex Borg f’attività politika fi Pjazza Santu Wistin, Għawdex, fetaħ id-diskors tiegħu billi saħaq li din is-sena għandna rekord ta’ kandidati żgħażagħ għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali. Dan juri li l-Partit Nazzjonalista għadu partit ħaj, partit effettiv u partit żagħżugħ. Dawn il-kandidati ħarġu għax verament iħobbu r-raħal li ser jirrappreżentaw, għal kuntrarju ta’ dawk tal-Partit Laburista.

Borg saħaq li kieku ma kienx il-Partit Nazzjonalista, kieku ma konniex niċċelebraw 20 sena mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea – viżjoni tal-Partit Nazzjonalista li Eddie Fenech Adami bħala Prim Ministru dejjem emmen f’pajjiżna. Illum naraw proġetti li ġew permezz tal-fondi tal-Unjoni Ewropea, żgħażagħ li marru barra minn xtutna permezz tal-fondi tal-Unjoni Ewropea, NGOs li kibru f’pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista kellu viżjoni fit-tul li għadna ngawdu minnha sal-ġurnata tal-lum.

Alex Borg għalaq id-diskors tiegħu billi indirizza liż-żagħżagħ biex jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista u jagħtu l-vot lill-kandidati Nazzjonalisti.