Elezzjonijiet 2024 Għawdex Lokali

“Bil-vot tiegħek tista’ tqum u teħles lil pajjiżna” – Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’attività politika fi Pjazza Santu Wistin, Għawdex, beda d-diskors tiegħu billi saħaq li għall-Partit Nazzjonalista Għawdex kien, għadu u jibqa’ prijorità mhux fil-kliem biss imma anke fl-azzjoni. Grech fakkar li kull meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern, mexxa lil Għawdex ‘il quddiem, kabbar l-ekonomija Għawdxija, il-kwalità Għawdxija fl-ambjent kif ukoll investa fit-toroq.

Grech sostna li l-Għawdxin għandhom iktar sfidi mill-Maltin, fosthom fis-settur tas-saħħa hekk kif l-Għawdxin iridu jaqsmu Malta għal diversi servizzi essenzjali. Dan kollu għaliex il-gvern tal-Partit Laburista baqa’ ma wettaqx dak li wiegħed fosthom l-isptar li ilu ser jinbena mill-2015. Il-Partit Nazzjonalista iwiegħed lill-poplu Għawdxi li jekk ikun fil-gvern ser jagħti sptar ġdid ġenerali għall-Għawdxin kollha.

Il-Partit Nazzjonalista jrid li Għawdex ikompli jipprogressa waqt li jassigura li jibqa’ bil-karatteristiċi uniċi tiegħu. Huwa għalhekk li kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista huma impenjati biex Għawdex jibqa’ jżomm il-karatteristiċi tiegħu. Il-politika tal-Partit Nazzjonalista ser tibqa’ tagħti prijorità lill-Għawdex u tiffoka li ssaħħaħ il-kwalità tal-ħajja aħjar lill-Għawdxin u Maltin.

Bernard Grech saħaq li anke mill-Oppożizzjoni nistgħu nsaħħu lil Għawdex u lill-Għawdxin u huwa għalhekk li ser jara li aktar fondi Ewropew ser ikunu investiti f’Għawdex billi jittieħdu inizjattivi fil-qasam soċjali u edukattiv.

Il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista ser jaraw li jagħmlu studju tal-carrying capacity f’kull lokalità biex niżguraw li l-investiment infrastrutturali jsir bi pjan, kif ukoll jassiguraw pressjoni fuq il-gvern li jsiru t-toroq bi ħsieb. Il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista jiggarantixxu li jsir minn kollox biex jassiguraw indafa fil-lokalità.

Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien u ser jibqa’ qrib is-sajjieda, il-bdiewa u r-raħħala għaliex dawn huma nies li jaħdmu u jinvestu. Fil-fatt, ser jinvesti bis-saħħa għal dan is-settur billi jġib fondi mill-Ewropa.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li din hija elezzjoni biex il-pajjiż ikollu l-aqwa rappreżentanza fl-Ewropa fejn il-proposti tal-poplu jitmexxew għal-livell Ewropew biex nassiguraw li dawn jiġu milqugħha.