Lokali

Residenti tax-Xemxija jagħmlu talba lil Abela biex jipproteġu x-xagħri mill-kostruzzjoni

Grupp ta’ ‘l fuq minn 150 resident mix-Xemxija, il-maġġoranza miz-zona tax-Xemxija Heights, bagħtu ittra miftuħa lill-gvern fejn talbuh jissalvagwardja sit ta’ xagħri, fil-biċċa l-kbira mhux mittiefes, li jinsab mhedded minn applikazzjoni għal torri ta’ 13-il sular bi kważi 300 appartament.

L-ittra miftuħa ntbagħtet lill-Prim Ministru Robert Abela, lill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, lill-Ministru għall-Ippjanar Clint Camilleri u lill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.

Din hija t-tieni darba li r-residenti semmgħu leħinhom, wara li f’Marzu għamlu konferenza stampa organizzata bl-appoġġ tal-Moviment Graffitti u NGOs oħra. Dik il-konferenza stampa segwiet mozzjoni mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li appellat lill-gvern biex jixtri l-art u jagħtiha lill-poplu.

Ir-residenti huma mħassba għal diversi raġunijiet.

Is-sit huwa ekoloġikament importanti, u jinsabu fih diversi ħlejjaq rari u indiġeni, inklużi orkidi ta’ “valur ekoloġiku sinifikanti”, fi kliem l-ERA. Ir-residenti ċaħdu l-asserzjoni tal-awtorità li l-footprint tal-proġett mhux se taffettwa dawn l-orkidi, u provdew informazzjoni li turi li l-orkida piramidali endemika Maltija tinstab madwar is-sit kollu. Irrimarkaw ukoll li l-bini ta’ torri ta’ 13-il sular ftit metri ‘l bogħod minn pjanti delikati, żgur li jikkawża ħsara.

Minbarra l-orkidi, is-sit jospita wkoll varjetà wiesgħa ta’ flora u fawna endemiċi, inkluż ir-rarissimu ‘fairy shrimp’.

Is-sit huwa wkoll Zona ta’ Importanza Arkeoloġika. Ir-raddet ir-roti fuq is-sit innifsu huma fost il-fdalijiet li jinstabu f’zona arkeoloġikament rikka mimlija fdalijiet Puniċi u Rumani.

Ir-residenti esprimew ukoll it-tħassib tagħhom li l-proġett se joħloq problemi ta’ aċċess, peress li z-zona hija aċċessibbli biss permezz ta’ par toroq wieqfa u dojoq, li waħda minnhom ma tistax tintuża minn vettura tas-servizz, jew minn kwalunkwe vettura meta tkun imxarrba.

Meta tqis li hemm għaddej ukoll l-iżvilupp tal-Eks Mistra Village, ir-residenti wissew li z-zona hija mistennija li tittriplika fid-daqs, minn madwar 450 għal 1,500 appartament, fi ftit snin biss.

Ir-residenti għalhekk qed jesprimu l-appoġġ qawwi tagħhom għall-mozzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li tappella lill-gvern biex jixtri l-art għall-użu pubbliku. Qed jappellaw ukoll biex is-sit jingħata l-ogħla livell possibbli ta’ protezzjoni li huwa dovut għall-karatteristiċi ekoloġiċi uniċi tiegħu – zona ta’ Importanza Ekoloġika Livell 1.

Ħafna mill-firmatarji huma residenti taz-zona l-aktar milquta, fosthom Triq il-Maqdes Megalitiku, Triq Piscopo Macedonia, Triq Katerina Vitale, Triq l-Imġiebaħ u Triq il-Preistorja.

L-ittra miftuħa kienet appoġġjata wkoll minn diversi NGOs ambjentali u kandidati għall-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.