‘You Want Me’ hija s-single kurrenti tal-kantawtriċi Claire Marante, kanzunetta
b’saħħtiha li titkellem fuq l-abbuż u l-vjolenza sesswali. Hija spirata mill-film ‘I Want You’ u l-
kanzunetta ta’ Elvis Costello bl-istess isem li tinstemgħa f’dan il-film.
Claire Marante ilha għal dawn l-aħħar snin fix-xena mużikali Maltija bi ħruġ ta’ diversi
kanzunetti u gigs ‘l hawn u ‘l hemm. Insemmi l-kanzunetti ‘Stain’ u ‘Burn this Fire Out’
maħruġa fl-2021. ‘The Unknown Silent’ ta’ Franco Tartaglia toħroġ il-vuċi rilassanti ta’ Claire
Marante.
‘You Want Me’; hija l-ewwel single meħudha mill-EP li Claire Marante qed tippjana li
tniedi f’Settembru li ġej. F’dan l-EP hija kkollaborat ma’ James Baldacchino li rrekordja u
pproduċa dan il-materjal, il-kitarrista Franco Tartaglia,u d-drummer Luke Briffa.
Claire Marante bdiet tistudja l-mużika u l-kitarra klassika fl-età ta’ 7 snin. Matul is-6th
form u fis-snin li għamlet l-Università kienet il-kantanta ta’ diversi bands li kienu qed idoqqu l-
aktar covers, iżda anke wkoll xi songs oriġinali. Ikkollaborat ma’ diversi mużiċisti fosthom
Franco Tartaglia, Charles Cassar ta’ Djun, u James Baldacchino. Wara li gradwat fil-mediċina,
Claire marret l-Iskozja biex tispeċjalizza fuq mikrobijoloġija medika. Hemm ukoll ingħaqdet ma’
blues rock band.
Lura Malta fl-2015, Claire riedet tesperjenza xi ħaġa ġdida li kienet f’qalbha, il-kitba tal-
kanzunetti. Tgħid hekk: “Jien nikteb l-aktar dwar l-esperjenzi personali tiegħi u kwalunkwe
avveniment li jqanqal fija emozzjonijiet qawwija. It-temi jinkludu l-ambjent, l-inkontri personali,
il-maternità, ir-relazzjonijiet, il-kwistjonijiet soċjali inkluż il-korruzzjoni, u l-aljenazzjoni tagħna
min-natura. Jiena persuna introverta u l-kanzunetti tiegħi għandhom tendenza li jkunu
introspettivi u awtoanalitiċi.”
“Il-mużika minn dejjem kienet il-passjoni tiegħi sa minn meta kont tifla. Il-mużika ħierġa
minn fuq ir-radju kienet tkun ta’ kuljum id-dar. Missieri bit-turntable jdoqq id-diski, jew fuq it-
TV u jien kont noħlom li jien kantanta jew żeffiena.” Tistqarr li l-influwenzi mużikali huma
varji, bejn il-mużika pop Taljana, il-mużika Flamenco, u r-rock tas-sebgħinijiet. Issemmi wkoll
lil Prince. Tkompli tgħid li fl-adolexxenza tagħha kienet qed tisma’ rock alternattiv. “Jien inħobb
ħafna l-mużika tal-kantawturi nisa fosthom Tori Amos, PJ Harvey, u Fiona Apple.”