Sitwazzjoni tal-biki.
Issa mhux biss il-pazjenti qed ikollhom jibqgħu fl-emerġenza jistennew sigħat twal biex jingħataw servizz, talli anke t-tfal li jkollhom bżonn li jiġu operati qed ikollhom jistennew għal iktar minn ħames sigħat.
Dan hekk kif il-problema taż-żieda enormi fil-popolazzjoni, naturalment, qed tolqot ukoll il-minorenni li huma wkoll spiċċaw mingħajr sodod fis-swali.
Sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegawlna li t-tfal li jkunu skedati li jkollhom operazzjoni fis-7 ta’ filgħodu, qed ikollhom jistennew għal ħinijiet twal hekk kif fis-sala ta’ Fairyland, li hija s-sala fejn jiġu operati t-tfal, qed tkun mimlija bi tfal oħra li ma jkollhomx post f’zoni oħra tal-isptar.
Fl-Isptar Mater Dei, barra Fairyland, hemm żewġ swali oħra tat-tfal li huma Wonderland li fiha 11-il sodda kif ukoll Disneyland li fiha 18-il sodda. Dawn huma medical wards fejn it-tfal jingħataw trattament mediku għal asthma, viruses, bronkees u anka l-croups.
Nies li tkellmu ma’ Net News spjegaw kif is-swali qed ikunu mimlija, u għalhekk it-tfal qed jintbagħtu fis-sala tal-operazzjonijiet. Madanakollu, dan qed iwassal biex eventwalment meta jiġu tfal biex jiġu operati ma jkollhomx post f’Fairlyand li għandha biss 20 sodda.
Każ partikolari li seħħ f’din is-sala huwa meta din il-ġimgħa kien hemm bosta tfal jistennew u eventwalment intbagħtu f’medical ward qabel ma niżlu għall-operazzjoni. B’hekk, kienu f’riskju kbir hekk kif kellhom jitbagħtu f’kamra li hija qrib ħafna fejn kien hemm tfal b’infezzjoni.
Dan jerġa’ juri biċ-ċar kemm il-problema tal-immaniġġjar ħażin fl-isptar qed issarraf f’ħafna tbatija; saħansitra anke fuq it-tfal hekk kif din is-sitwazzjoni qed tiġri ta’ kuljum fi swali tat-tfal f’Mater Dei.
//= $special ?>