Kummerċ Lokali

Approvata l-ħarġa ta’ €80 miljun f’bonds minn Hili Finance Company plc

Hili Finance Company plc kisbet l-approvazzjoni tal-MFSA għall-ħarġa ta’ €80 miljun f’bonds li se
jkunu negozjati fuq il-Borża ta’ Malta għal ħames snin li ġejjin. Il-bonds, garantiti minn Hili Ventures Limited, se jkollhom imgħax annwali ta’ 5%, u se jinħarġu nhar is-17 ta’ Lulju 2024.

Dawn il-bonds se jinħarġu b’valur nominali ta’ €100 kull waħda, b’investiment minimu ta’ €3,000 u se jkunu disponibbli għall-iskrizzjoni minn kull kategorija ta’ investituri, inkluż il-pubbliku ġenerali.
Il-bondholders f’1923 Investments plc se jkollhom l-opportunità li jittrasferixxu l-bonds kollha tagħhom, jew parti minnhom bi bdil mal-bonds ġodda li qed jinħarġu minn Hili Finance Company plc. Barra minhekk, dawk is-sidien kollha ta’ securities oħra tal-Grupp Hili Ventures se jingħataw ukoll aċċess preferenzjali sabiex japplikaw.


Apparti mir-reserved allocation għal bondholders f’1923 Investments, id-dħul mill-bejgħ ta’ dawn il-bonds se jintuża sabiex titħallas parti mill-investimenti kapitali li saru fl-akkwist ta’ Cortland Sp. Z o.o. minn iSpot Poland Sp. Z o.o. u l-investiment f’Tigne Mall plc minn Marsamxett Properties Limited fl-2023.

Il-ħarġa ta’ bonds se tinfetaħ għall-applikazzjonijiet mid-19 ta’ Ġunju 2024 sal-10 ta’ Lulju 2024, jew qabel
f’każ li tinqabeż id-domanda. Il-bonds jimmaturaw u jkunu jistgħu jissarrfu għall-valur nominali tagħhom f’Lulju ta’ 2029.


Hili Finance Company plc hija l-kumpanija ta’ finanzjament ta’ Hili Ventures, grupp diversifikat li jopera fl-oqsma ta’ servizzi ta’ ikel u retail, proprjetà u ospitalità, l-industrija tat-tbaħħir, żejt u gass, l-inġinerija u t-teknoloġija f’għaxar pajjiżi madwar l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq b’tim ta’ ‘l fuq minn 12,000 persuna.