Sport Waterpolo

Iċ-champions Ewropej Pro Recco jaqsmu l-qlub ta’ Olympiacos u se jerġgħu jilagħbu l-finali

(Ritratt: European Aquatics)

PRO RECCO…………….. 9

OLYMPIACOS………….. 9

(3-0), (1-2), (3-3), (2-4)

Pro Recco rebħu 4-2 bl-għoti tal-penalties

Daqshekk viċin u daqstant ieħor ‘il bogħod. Olympiacos ma rnexxilhomx iwaqqfu r-renju ta’ Pro Recco fiċ-Champions League u kellhom ibaxxu rashom għar-rebbieħa tal-aħħar tliet staġuni fl-għoti tal-penalties wara li temmew 9-9 fil-ħin regolamentari.

Dan kien it-tielet konfront bejn iż-żewġ timijiet f’din l-edizzjoni, bi Pro Recco ħarġu rebbieħa darbtejn b’gowl distakk. It-tim immexxi minn Sandro Sukno fetaħ bl-aħjar mod possibbli iżda aktar ma beda jgħaddi l-ħin, Olympiacos bdew jidħlu fil-logħba.

Huma kienu kostretti jiġru wara r-riżultat u dehru l-aktar tim aggressiv li jiksbu r-riżultat. Iżda mal-mument li marru fil-vantaġġ għall-ewwel darba lejn it-tmiem, ma għarfux jikkontrollawh sat-tmiem. Huma skorjaw erba’ minn 12-il okkażjoni b’superjorità numerika filwaqt li Pro Recco skorjaw ukoll erbgħa iżda minn 14-il okkażjoni fosthom darbtejn b’superjorità doppja.

Pro Recco kellhom il-bidu li xtaqu u kisbu vantaġġ doppju fl-ewwel żewġ minuti tal-logħba permezz tax-xellugi Gonzalo Echenique u Giacomo Cannella minn man-up. Huma żiedu ieħor ukoll minn man-up, din id-darba skorjat mit-Taljan Francesco Condemi.

Olympiacos ftit urew sinjali bikrin biex jirkupraw u saħansitra kien il-gowlkiper Marko Bijac li ddistingwa ruħu fil-lasta. Madankollu l-gowl tal-captain Konstantinos Genidounias daħħalhom fil-logħba, b’Marton Vamos jirrispondi wara li l-Awstraljan Aaron Younger kien għamel l-iskor parzjali 4-1 b’xutt preċiż għar-rokna.

Il-Griegi rnexxielhom jilħqu lill-avversarji 4-4 fil-bidu tat-tielet sessjoni b’żewġ gowls minn man-up iżda ma marrux fil-vantaġġ. Dan għaliex il-penalty tal-prolifiku Genidounias wasal biss wara li Benjamin Hallock kien ħalla lil Pro Recco minn fuq. Madankollu gowl minn man-up ta’ Francesco di Fulvio u xutt mis-sitt metri ta’ Younger ħallew lit-tim Taljan 7-5 fil-vantaġġ qabel il-bidu tal-aħħar sessjoni.

Pro Recco kienu għadhom b’vantaġġ doppju  sal-ewwel parti tar-raba’ sessjoni, iżda penalty ta’ Vamos u xutt mis-sitt metri ta’ Dimitrios Dimou kkanċellaw il-vantaġġ. Olympiacos marru minn fuq għall-ewwel darba bi ftit aktar minn żewġ minuti għat-tmiem iżda Pro Recco wieġbu mill-ewwel b’gowl minn man-up ta’ di Fulvio. Iż-żewġ timijiet ma rnexxilhomx jiskorjaw il-gowl tar-rebħa u l-logħba kellha tiġi deċiża bl-għoti tal-penalties.

Għal Pro Recco skorjaw Francesco di Fulvio, Gergo Zalanki, Aaron Younger u Francesco Condemi rispettivament, filwaqt li Marton Vamos u Kostantinos Genidounias skorjaw għal Olympiacos b’Dimitrios Dimou ra x-xutt jgħaddi barra filwaqt li x-xutt ta’ Nikolaos Gkillas ġie salvat minn Marco del Lungo u b’hekk Pro Recco saru l-ewwel tim fil-finali tal-Ġimgħa filgħaxija.

Pro Recco: M. Del Lungo, F. Di Fulvio (2), G. Zalanki (1), G. Cannella (1), A. Younger (2), A. Fondelli, N. Presciutti, G. Echenique (1), A. Ivovic, K. Kakaris, F. Condemi (1), B. Hallock (1), T. Negri

Olympiacos: M. Bijac, L. Loncar, M. Vamos (2), K. Genidounias (3), I. Fountoulis (1), K. Gouvis, N. Gkillas, A. Buslje, I. Alafragkis (1), D. Dimou (1), D. Nikolaidis, A. Papanastasiou (1), E. Zerdevas

Referees: Adrian Alexandrescu (Rumanija), Sebastien Dervieux (Franza)