Proprju llum il-5 ta’ Ġunju, fil-Jum Dinji tal-Ambjent, tmien għaqdiet ambjentali appellaw biex kulħadd ipoġġi l-ambjent bħala prijorità meta fl-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej 8 ta’ Ġunju jmur jivvota biex jagħżel il-kandidati preferuti tiegħu.
Dan intqal minn dawn l-għaqdiet permezz ta’ stqarrija maħruġa dalgħodu.
Huma qalu li filwaqt li ftit li xejn hemm dubju li l-ambjent huwa prijorità għall-maġġoranza tal-Maltin, sfortunatament l-ambjent u n-natura ma għandhomx vuċi. Għaldaqstant, kull wieħed u waħda minna għandu jagħmel sforz biex l-ambjent jingħata l-vuċi li jixraqlu, u dan jista’ jsir billi nagħżlu kandidati li jħaddnu valuri ambjentali ċari.
L-għaqdiet fakkru f’diversi skandli ambjentali li assistejna għalihom fl-aħħar snin: fost l-oħrajn, il-Marina ta’ Marsaskala, Ħondoq ir-Rummien fil-Qala Għawdex, l-iżvilupp f’Għajn Riħana, l-iżvilupp f’Tal-Bebbux fiż-Żurrieq, l-azzjonijiet f’Kemmuna, il-protesti kontra l-iżvilupp f’Wied Żnuber, l-iżvilupp qrib it-Tempji tal-Ġgantija, il-każ ta’ Manoel Island, il-kumpless fil-Wied ta’ Ħal Balzan, il-ħarsien tal-istatus tal-Belt Valletta bħala Sit ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO, u l-kwistjoni tas-siġar fil-Pjazza tal-Mosta. Dawn huma biss ftit minn ħafna okkażjonijiet oħrajn fejn in-nies taw vuċi lill-ambjent.
L-għaqdiet insistew li l-vuċi ambjentali nstemgħet b’saħħa fil-protesta kbira Xebbajtuna, fejn eluf insistew li jinbidel il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna biex inħarsu l-ambjent tagħna.
Issa wasal il-mument li fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali li se jsiru nhar it-8 ta’ Ġunju, kull min għandu għal qalbu l-ambjent, kull min ħa sehem fl-azzjonijiet li saru fil-komunità, kull min attenda l-protesta Xebbajtuna, u kull min iħoss li l-ambjent għandu bżonn vuċi, ikun hu li bl-għażla li se jagħmel permezz tal-vot tiegħu, jagħti din il-vuċi lill-ambjent.
//= $special ?>