Elezzjonijiet 2024 Lokali

Il-kandidati tal-PN fl-Ewropa jistgħu jiksbu l-aħjar riżultati għal pajjiżna

Il-kandidat għall-MEPs tal-Partit Nazzjonalista, Peter Agius, beda d-diskors tiegħu fil-Mosta billi enfasizza l-imħabba kbira li għandu għal Malta, u l-imħabba kbira li l-PN għandu għal pajjiżna.

Agius kompla jfaħħar ix-xogħol kbir li għamlu l-MEPs David Casa u Roberta Metsola f’dawn l-aħħar ħames snin, u kif minkejja li l-PN kellu biss żewġ MEPs, għamel xogħol kbir fil-Parlament Ewropew, għall-kuntrarju ta’ dak li għamlu l-MEPs Laburisti, li minflok jiġġieldu biex jiksbu l-fondi għal pajjiżna, ħaduha kontra n-negozjanti Maltin.

Peter Agius semma’ wkoll l-attakk li għamlu l-istazzjon tal-Labour fuqu u fuq ir-residenza tiegħu, fejn kompla jgħid kif din hija l-istrateġija tal-Labour, li jivvinta l-gideb biex ikisser lil min qiegħed jipprova jagħmel il-ġid għal pajjiżna.

Huwa kompla jsostni li l-kandidati tal-Labour għandhom fiċ-ċentru tal-attenzjoni tagħhom biss li jiddefendu lil sħabhom u l-interessi personali, minflok jaraw x’ġid jistgħu jagħmlu għal Malta.

Agius ikkonkluda d-diskors tiegħu billi wiegħed lill-votanti li jekk jiġi elett fil-Parlament Ewropew, ikompli jiġġieled kontra l-ħażen tal-Labour b’metodi ġodda u fl-istess ħin jipprova jikseb fondi għal pajjiżna.