Ir-residenti tal-Mosta jixirqilhom Kunsill viċin tagħhom; Kunsill bi pjan u kunsilliera li huma verament viċin in-nies.
Dan kien is-sentiment espress f’konferenza tal-aħbarijiet li saret mix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali Ivan Bartolo, flimkien mal-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello.
Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo spjega kif l-interess tal-Partit Nazzjonalista u l-kandidati kollha tiegħu għall-Kunsill Lokali tal-Mosta huwa l-ġid tar-residenti Mostin. Hu spjega illi l-investiment għandu jsir b’konsultazzjoni mar-residenti, filwaqt li għandu jsir risk assessment u health and safety assessment tal-proġetti li jsiru.
Kien hawn illi għamel referenza għall-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza – proġett li baqa’ qatt ma kellu approvazzjoni, tant li lanqas il-fondi għadhom ma ngħataw. Dan apparti l-fatt li l-Kunsill tħalla b’dejn ta’ xejn anqas minn €200,000.
Fid-dawl ta’ dan kollu, Ivan Bartolo enfasizza li Kunsill Nazzjonalista fil-Mosta se jkun wieħed li dejjem iżomm djalogu mar-residenti.
Charles Bonello minn naħa tiegħu spjega li fil-lokalità tal-Mosta hemm bżonn ippjanar fit-tul; speċjalment dwar it-traffiku, in-nuqqas ta’ spazji miftuħa, il-ħsejjes kontinwi ta’ makkinarju u t-tniġġis tal-arja fost l-oħrajn.
Hu spjega l-viżjoni ta’ Kunsill Lokali Mosti b’maġġoranza Nazzjonalista – kunsill li se jkun qed iwettaq studju għall-immaniġjar tat-traffiku, jindirizza l-iżvilupp bla rażan, in-nuqqas ta’ parkeġġ, il-bżonn ta’ żieda ta’ charging points għall-karozzi elettriċi, u r-ritorn tal-inizjattiva ‘Mosta Solidali’ sabiex il-Kunsill jerġa’ jkun post miftuħ għal dawk kollha li tant huma fil-bżonn fis-soċjetà.
Charles Bonello enfasizza l-importanza assoluta li dawk li għadhom ma ġabrux il-vot tagħhom – jagħmlu dan, filwaqt li nhar is-Sibt imorru jivvutaw lill-Kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>