Lokali

Il-parkeġġ fil-Gudja: Deċiżjoni tal-għaġla li ħolqot ħafna problemi

Ftit ġimgħat ilu fil-ġnien ta’ quddiem l-iskola tal-Gvern fil-Gudja, ġiet varata skema ta’ parkeġġ li bdiet taħdem mis-Sibt l-1 ta’ Ġunju.

Din l-iskema tipprojbixxi l-parkeġġ għal min mhux residenti l-Gudja fil-ħinijiet ta’ bejn it-20:00 u 7:00. Din il-projbizzjoni tapplika għal 14-il triq fil-Gudja… bejn wieħed u ieħor nofs il-lokalità.

Din il-projbizzjoni qed issir biex suppost issolvi l-problema ta’ nuqas ta’ parkeġġ li kienet qed taffettwa lir-residenti tal-Gudja għax kienu qed jipparkjaw ħafna nies li jkunu se jsiefru u jħallu l-karozza hemm għal jiem twal jekk mhux anke xhur. Madanakollu din il-probelma xorta mhux se tissolva hekk kif nies li jkunu se jsiefru – possibilment – se jipparkjaw il-karozza tagħhom fi triq differenti li ma tagħmilx parti minn din il-projbizzjoni.

Barra minn hekk, din l-iskema ta’ parkeġġ qed toħloq problema oħra hekk kif wara t-20:00 ma jistgħux jiġu qraba jaraw lil familji tagħhom u jipparkjaw f’dawn it-toroq; għax huma mhux residenti f’din il-lokalità.

Ta’ min isemmi wkoll li din l-iskema daħlet bl-għaġla ftit jiem biss qabel l-elezzjoni u għalhekk qed tinbidel minn jum għal ieħor. Tant li llum ir-residenti tal-Gudja rċivew notifika ġdida fejn se jinħareġ permess għal qraba tar-residenti ta’ dawn l-14-il triq.

Ir-residenti huma mitluba wkoll imorru l-uffiċċji tal-Kunsilli Lokali bil-karta tal-identità ta’ min joqgħod il-Gudja, u ta’ min ser jiġbor il-permess. Mhux hekk biss, tali qed jiġu mitluba wkoll il-logbook sabiex jingħataw il-permess meħtieġ.

Ir-residenti naturalment jilmentaw li issa spiċċaw iridu jiġbru l-logbooks ta’ dawk li se jiġu jarawhom, u b’oħrajn jistaqsu x’suppost jagħmlu dawk li jmorru jżuru lill-ġenituri tagħhom jekk dawn ikunu ma jifilħux.

Din l-iskema spiċċat qed tkisser ukoll il-ftit stabbilimenti ta’ ikel, inkluz il-kazini, li jkollhom nies li jkunu gejjin minn barra l-lokal.

Il-kandidati għall-Kunsill Lokali tal-Gudja Stefan Caruana, Claire Chetcuti u Aaron Cutajar, flimkien mad-Deputat Parlamentari Mark Anthony Sammut, ikkritikaw din il-projbizzjoni u wegħdu li kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista jirtira din l-iskema u minflok issir skema diċenti, b’ħin limitat ta’ sigħat, mifruxa mar-raħal kollu, sabiex ir-residenti ma jkollhomx ħajjithom iktar kumplikata. Skema li ma tkissirx In-negozji u l-każini.