Il-Preisdent tal-Parlament Ewropew u kandidata għall-MEPs tal-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola, bdiet id-diskors tagħha billi faħħret il-lokalità tal-Mosta, madankollu saħqet ukoll li din il-lokalità tista’ titmexxa ħafna aħjar, mingħajr ħafna taħwid u ġenn, bħalma jista’ jitmexxa aħjar pajjiżna.
Roberta Metsola sostniet kif matul din il-kampanja elettorali, hi flimkien mal-kandidati kollha daru bosta lokalitajiet u semgħu l-ħafna ilmenti tan-nies, u kompliet tgħid li jekk jagħtu l-fiduċja tagħhom lill-votanti kollha tal-PN, se tagħmel minn kollox biex ittejjeb is-stwazzjoni ta’ kull ċittadin Malti, bis-saħħa tal-Unjoni Ewropea.
Metsola kompliet tħeġġeġ lill-votanti biex is-Sibt li ġej jivvotaw lill-PN, għax b’dak il-mod biss hi tista’ tkompli sservi dan il-pajjiż, flimkien mal-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.
Il-President tal-Parlament Ewropew irringrazjat ukoll lil kull min taha s-sapport matul l-aħħar ħames snin, b’mod speċjali lil dawk iż-żgħażagħ li fl-aħħar snin resqu qrib tagħha u qrib il-politika. Hi kompliet tinkoraġġixxihom biex jagħtu s-sehem tagħhom fis-soċjetà, speċjalment is-Sibt li ġej bid-dritt tal-vot.
Hi tkellmet ukoll fuq il-Labour, li kif minflok użaw il-vantaġġ numeriku tagħhom fil-Parlament Ewropew biex jagħmlu l-ġid għal pajjiżna, iktar kienu moħħhom biex jattakkaw lilha u lil David Casa fuq ix-xogħol li kienu qed jagħmlu.
Roberta Metsola kkonkludiet id-diskors tagħha billi fakkret li s-Sibt li ġej, il-votanti se jkollhom l-għażla li jagħżlu bejn kandidati tal-PN li jixtiequ jagħmlu l-ġid għal pajjiżna, jew inkella l-kandidati Laburisti li ilhom ħames snin jipproteġu lil sħabhom li serqu l-miljuni minn pajjiżna.
//= $special ?>