Elezzjonijiet 2024 Lokali

Il-voti jistgħu jinġabru sal-Ħamis f’nofsillejl

Il-Ħamis huwa l-aħħar jum fejn wieħed jista’ jmur jiġbor id-dokument tal-vot għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali u tal-Parlament Ewropew dan hekk kif l-elezzjoni tinsab ftit jiem ‘il bogħod.

Għall-votanti li huma reġistrati f’Malta, dawn jistgħu jiġbru l-vot tagħhom mill-Kummissjoni Elettorali fin-Naxxar, u għal dawk reġistrati fuq Għawdex jistgħu jmorru jiġbru l-vot tagħhom mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, fir-Rabat, Għawdex.

Matul il-jum tal-Ħamis wieħed jista’ jiġbor il-vot tiegħu bejn it-8am u s-1pm u mit-3pm sa nofsillejl. Biex wieħed ikun jista’ jiġbor il-vot irid jagħmel dan personalment u jrid jippreżenta l-Karta tal-Identità.

Il-kampanja għal din l-elezzjoni tagħlaq il-Ħamis fejn dakinhar il-Partit Nazzjonalista se jorganizza Rally kbir fil-Pjazza tas-Siġġiewi, li se jibda fis-7 ta’ filgħaxija.

Għaldaqstant, jidher li s’issa għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali hemm 116,526 vot li ma nġabrux li jammonta għal 25.5% tal-votanti reġistrati fuq Malta u Għawdex. It-total ta’ votanti għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali huwa ta 457,369.

Il-lokalità ta’ San Ġiljan għandha l-akbar ammont ta’ voti mhux miġbura, dan hekk kif 61% tal-voti li jammontaw għal 8,188 spiċċaw għall-Kummissjoni Elettorali. It-total ta’ persuni li jistgħu jivvutaw fuq din il-lokalità huwa ta’ 13,414.

Imbagħad, fil-lokalità ta’ Tas-Sliema hemm 58.5% tal-voti li jammontaw għal 12,940, li għadhom ma’ nġabrux; u fil-Gżira ma nġabrux 57.6% tal-voti li jammontaw għal 5,809. Sitwazzjoni simili f’San Pawl il-Baħar hekk kif ma nġabrux 57.1% tal-voti li jammontaw għal 16,285.

Min-naħa l-oħra, għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew hemm 42,935 vot li għadhom ma nġabrux li jammontaw għal 11.6% tal-votanti reġistrati fuq Malta u Għawdex, bit-total ta’ votanti huwa ta’ 370,190.

Jirriżulta li l-10 distrett li huwa magħmul mill-Gżira, parti min-Naxxar, Baħar iċ-Ċagħaq, Pembroke, San Ġiljan u Tas-Sliema għandu l-akbar ammont ta’ voti mhux miġbura li jammonta għal 23.2% tad-distrett jew 6,942 vot minn 29,933 tal-votanti reġistrati.

Imbagħad, fit-12-il distrett li huwa magħmul mil-Mellieħa, parti min-Naxxar u San Pawl il-Baħar għandu 21.2% tal-voti mhux miġbura jew 6,756 vot. Fid-9 distrett, li huwa magħmul minn Ħal Għargħur, l-Imsida, San Ġwann, il-Kappara, is-Swieqi u Ta’ Xbiex; għandu 15.1% tal-voti mhux miġbura li jfisser 4,217 vot mhux miġbur.

Intant, bejn is-Sibt u l-Ħadd Net Television se jkun qed iwassal xandiriet speċjali b’aġġornamenti kontinwi li jagħtu ħarsa lejn l-andament tal-elezzjoni u l-proċess tal-għadd tal-voti.